Forom ta’ Talb Karmelitan

P. Ivan Scicluna O.Carm.

(4 – x – 2015)

Daħla: Metodu Karmelitan?

Ngħid is-sew, meta ġejt mistieden biex nippreżentalkom “il-metodu tat-talb Karmelitan”, ikkonfondejt, speċjalment meta qaluli li parti mill-preżentazzjoni kellha tikkonsisti fi prattika tal-metodu. Ir-realtà hi li ma jeżistix metodu ta’ talb esklussivament Karmelitan.

Meta tqis li fil-Knisja l-Karmelu huwa sinonimu mat-talb, din l-istqarrija tista’ tidher stramba. M’hemmx dubju li l-Karmelu jdur kollu kemm hu mat-talb. Fl-2009, fl-omelija tiegħu waqt il-kanonizzazzjoni tal-Karmelitan San Nonju Alvares Pereira, il-Papa Benedittu XVI kien saħansitra qal li “l-Karmelu jgħallem lill-Knisja titlob”. Madankollu, ma jeżistix metodu li nistgħu insejħulu propjament Karmelitan. Artiklu qasir li qrajt riċentement jgħid hekk:

“we put time and energy into the things we value and we neglect the things we don’t. This is what makes Carmelite prayer distinctive. It’s not the prayer itself; in fact, there is no ‘method’ for Carmelite prayer. It is all about the time and energy that is actually put into prayer. (…) That’s what Carmel has always been about: prayer. And that’s what being a Carmelite – whether friar, nun, or Lay Carmelite – is all about: prayer. It’s not method; it’s emphasis.”

Fir-Regula Karmelitana

Jekk immorru lura għall-esperjenza oriġinarja tal-ewwel Karmelitani kif insibuha fir-Regula, propju dan li nsibu. Ma nsibux xi metodu ta’ talb ġdid, jew oriġinali, jew xi preskrizzjoni li tgħid li rridu nużaw xi metodu speċifiku, imma nsibu, iva, li fir-Regula t-talb għandu ħafna valur, għandu piż għal kollox partikulari. Fir-Regula t-talb jimla l-aspetti kollha tal-ħajja Karmelitana, jinfiltra fid-dimensjonijiet kollha tal-ħajja Karmelitana, u jagħtihom ilkoll it-togħma u l-lewn partikulari tagħhom. Il-Papa San Ġwanni Pawlu II laqat sewwa l-musmar fuq rasu meta qal li l-Karmelu huwa l-post “fejn it-talb isir ħajja, u l-ħajja twarrad bit-talb” (“Carmel, where prayer becomes life and life flourishes with prayer”). Qablu, il-Beatu Karmelitan Titu Brandsma kien ġa stqarr li “t-talb huwa l-ħajja, mhux oażi fid-deżert tal-ħajja”.

Prattikament it-talb huwa x-xogħol, il-qadi u l-hedu ewlieni tal-fraternità Karmelitana u ta’ kull Karmelitan. Fin-nru 10 fil-fatt ir-Regula tgħidilna:

Kull wieħed għandu joqgħod f’kamartu jew ħdejha, lejl u nhar jaħseb fuq il-Liġi tal-Mulej u jishar fit-talb, sakemm ma jkunx mehdi fi ħwejjeġ oħra ta’ siwi.

Dahri l-kummentaturi u l-interpreti tar-Regula kienu jqisu dan in-numru bħala ċ-ċentru tar-Regula. Illum inħarsu lejn ir-Regula b’mod aktar unit u integrali bħala struttura armonjuża maħsuba biex toħloq spazju ħieles disponibbli għal Alla kemm fil-fraternità u kemm f’kull individwu. F’dan id-dawl it-talb jidher aħjar f’rabta ma’ valuri oħra fir-Regula bħala wieħed mill-elementi meħtieġa biex jinħoloq dan l-ispazju mistiku, bla ma titnaqqas xejn l-importanza tiegħu.

Għalkemm ir-Regula ma tippreskrivix metodu speċifiku ta’ talb, fin-nru 10 li għadna kif kwotajna nsibu aċċenn għal-lectio divina meta r-Regula tgħidilna biex naħsbu lejl u nhar fil-Liġi tal-Mulej. Aktar milli l-metodu, ir-Regula jinteressaha tipprononielna l-kontenut tal-meditazzjoni tagħna: il-Kelma t’Alla. Il-Karmelu hawn jinserixxi ruħu u jniżżel għeruqu fit-tradizzjoni robusta eremitika-monastika antika li għal millennju sħiħ mantniet ruħha billi xtarret il-Kelma t’Alla fil-mergħat tal-Iskrittura Mqaddsa. F’dan il-preċett tar-Regula l-Karmelu dejjem ra eku tal-atteġġjament kontemplattiv tal-mudell ewlieni tiegħu, Marija, li, kif jgħidilna San Luqa (2,19), kienet “tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha”.

Iċ-ċentralità tal-Iskrittura fir-Regula tidher f’numri oħra wkoll:

  • nru 7: qari tal-Kotba Mqaddsa fir-refettorju;
  • nru 19: l-aħħar fost il-lista tal-armi spiritwali jissemma’ “s-sejf tar-ruħ” li “hu l-Kelma t’Alla”, li għandha tgħammar bil-kotra fil-fomm u l-qalb tal-Karmelitani, hekk kulma jagħmlu għandhom jagħmluh fil-Kelma tal-Mulej;
  • is-smigħ tal-Kelma huwa impliċitu wkoll fin-nri 11 u 14, fejn ir-Regula tippreskrivi ċ-ċelebrazzjoni komunitarja tal-liturġija tas-sigħat u tal-Ewkaristija fl-oratorju li għandu jinbena f’nofs iċ-ċelel.

Barra minn hekk, ir-Regula nfisha mimlija kwotazzjonijiet diretti u indiretti għall-Iskrittura, karatteristika intrinsika tar-Regula li minnha nfisha tirrikkmanda bil-qawwa s-smigħ attent tal-Kelma t’Alla u r-ruminazzjoni u l-assimilazzjoni tal-Kotba Mqaddsa. Apparti li tirrikkmandalna nixtarru l-Kelma t’Alla però, ir-Regula ma toqgħodx tidħol fil-metodu u fit-tappi ta’ kif dan għandu jsir. Filwaqt li tfassal il-linji ġenerali tal-istil ta’ ħajja tal-fraternità u tipprovdi l-elementi essenzjali, tħalli l-impostazzjoni tat-talb personali f’idejn l-individwu. F’kontinwità mat-tradizzjoni monastika antika, it-talb personali jnixxi miċ-ċelebrazzjoni tal-Misteru ta’ Kristu fil-liturġija u mis-smigħ attent u premuruż tal-Kelma. F’dawn l-aħħar 40-50 sena, is-sejħa tal-Konċilju Vatikan II biex ir-reliġjużi mmorru lura għall-għejjun tal-kariżmi tagħna wassal biex l-Ordni Karmelitan jiskopri mill-ġdid iċ-ċentralità tas-smigħ tal-Kelma fil-komunità u fil-ħajja personali ta’ kull wieħed. Fil-fatt, fil-formazzjoni inizjali tiegħi, fi żmien li fih kienet għadha sserrep ċerta avverżjoni għall-metodu sistematiku fil-ħajja tat-talb bħala reazzjoni għar-riġidità ta’ qabel, kien permezz tal-lectio divina li ġejt inizjat għat-talb.

Nistgħu ngħidu li l-flessibbiltà f’dak li jirrigwarda t-talb personali baqgħet dejjem fl-istorja tal-Ordni tagħna. F’kull epoka l-Ordni kien miftuħ għas-sensibbiltajiet kontemporanji u l-iżviluppi ġodda fil-ħajja tat-talb, għamilhom tiegħu, u ħafna drabi kkontribwixxa għall-iżvilupp ulterjuri tagħhom. Dan il-ftuħ u din il-flessibbiltà għadhom sal-lum karatteristika tal-atteġġjament tal-Ordni lejn it-talb. Il-Kostituzzjonijiet (nru 66) jgħidulna li

It-talb jista’ jieħu bosta għamliet, skont il-ħtiġijiet tal-komunità u tal-individwi. It-talb jissaħħaħ bi tfittxija bla waqfien ta’ Alla, mgħejuna bil-lectio divina, bl-istudju, bil-meditazzjoni u bis-sagramenti. Din it-tfittxija bla taqta’ ta’ Alla għandha tkun is-sisien u l-ogħla espressjoni tal-ħajja komunitarja.

L-istess id-dokument tal-Ordni dwar il-formazzjoni Carmelite Formation: a Journey of Transformation, għalkemm dan huwa aktarx ftit aktar speċifiku, għax jelenka metodi ta’ talb partikularment għeżież għat-tradizzjoni Karmelitana. Dan id-dokument juri apprezzament u interess ġdid fl-importanza tal-metodu fit-talb, kif ukoll riskoperta ta’ metodi oħra barra l-lectio divina li kienu mxerrda fl-Ordni sal-Vatikan II. Jibqa’ l-fatt li jipproponi pluralità u diversità ta’ metodi li l-ebda wieħed minnhom ma ġie maħluq esklussivament mill-Karmelitani, għalkemm il-Karmelitani kkontribwew għall-iżvilupp tagħhom ilkoll. B’mod enfatiku d-dokument jgħid (nru 38):

We must cultivate the various forms of prayer, especially those that are dear to the Carmelite tradition, such as systematic meditation, lectio divina, the practice of the presence of God, the prayer of aspiration, and silent prayer.

Il-meditazzjoni sistematika fil-Karmelu

Il-meditazzjoni sistematika daħlet fl-Ordni fis-seklu 16, bħala konsegwenza ta’ bidla paradigmatika fil-ħsieb li seħħet maż-żernieq tal-epoka moderna, fir-Rinaxximent, li aċċentwat aktar l-individwu fid-dimensjoni razzjonali, psikoloġika u introspettiva tiegħu. Il-meditazzjoni sistematika ġiet addattata għall-ispirtu tal-Ordni mill-kummentaturi ta’ S. Tereża ta’ Ġesù u S. Ġwann tas-Salib u mill-awturi tar-Riforma Karmelitana ta’ Turena li laqqmu u integraw fit-tradizzjoni tal-Ordni l-influwenza Tereżjana, Ġeżwitika u influwenzi oħra li kellhom suċċess kbir fil-kuntest ekkleżjali post-Tridentin ta’ tiġdid spiritwali li kien qiegħed jiffjorixxi dak iż-żmien. Fl-istess ħin li integraw dawn l-influwenzi, il-Karmelitani ta’ Turena għanewhom ukoll bil-kontribut oriġinali tagħhom. L-influwenza tar-Riforma Karmelitana ta’ Turena żviluppat fil-moviment tal-Osservanza Aktar Stretta fl-Ordni, li l-influss tagħha xtered mal-Ordni kollu u baqa’ jiddominah sal-Vatikan II, kemm fil-Kostituzzjonijiet kif ukoll fil-formazzjoni tan-novizzi. S. Tereża ta’ Ġesù u S. Ġwann tas-Salib ma jipproponux metodu sistematiku ta’ talb fis-sens propju tal-kelma fil-kitbiet tagħhom. Kienu d-dixxipli tagħhom fiż-żewġ friegħi tal-Ordni li traduċew it-tagħlim u l-esperjenza tad-Dutturi tal-Karmelu f’metodi sistematiċi.

Ix-xejra Karmelitana fil-meditazzjoni sistematika tidher pereżempju fid-differenza bejn il-mod kif jifhem “il-preparazzjoni remota” għat-talb Sant’Injazju ta’ Loyola u l-mod kif jippreżentaha l-Metodu Ċar u Ħafif Biex Tagħmel l-Orazzjoni Mentali, u Biex Teżerċita Ruħek bi Frott fil-Preżenza t’Alla tar-Riforma ta’ Turena fid-Direttorju tan-Novizzi tagħha. Filwaqt li għal Sant’Injazju l-preparazzjoni remota tikkonsisti filli wieħed jagħżel u jaqra qabel jorqod it-tema jew test tal-meditazzjoni tal-għada, fir-Riforma ta’ Turena l-preparazzjoni remota hija atteġġjament u stil permanenti ta’ dispożizzjoni għat-talb li jikkonsisti filli wieħed jobgħod id-dnub, ifittex is-solitudni, jevita xogħlijiet inutli, jiddistakka ruħu mill-ħwejjeġ temporali, u jaħrab id-divertimenti, il-ħsibijiet fiergħa u l-ħela ta’ ħin.

Fejn tidħol il-preparazzjoni aktar mill-qrib, il-Metodu Karmelitan jiddistingwi bejn “preparazzjoni prossima” u “preparazzjoni immedjata”. Il-preparazzjoni prossima Karmelitana hija ekwivalenti għall-preparazzjoni remota Injazjana u allura tikkonsisti fl-għażla tat-tema jew test u t-tħejjija tiegħu minn qabel. Il-preparazzjoni immedjata, eżatt qabel id-dħul fil-meditazzjoni propja, tikkonsisti fl-att tal-preżenza t’Alla, eżami qasir tal-kuxjenza, u atti ta’ umiltà u virtujiet oħra, eż. offerta tal-meditazzjoni għall-glorja t’Alla.

Aspett ieħor li jiddistingwi l-meditazzjoni sistematika fil-Karmelu minn dik Ġeżwitika huwa enfasi akbar fuq l-affetti. Għalkemm l-Eżerċizzi Spiritwali jagħtu l-akbar importanza lill-affetti (“mhux il-ħafna tagħrif li jimla u jaħji lir-ruħ, imma li l-affarijiet tħosshom u tiggustahom f’qalbek”, ES §2), bħal kull metodu ieħor ta’ talb, il-kummentaturi tal-Metodu Karmelitan jinnutaw li d-dimensjoni affettiva f’dan tal-aħħar hija aktar pronunċjata milli f’dak Ġeżwitiku. Il-Metodu pereżempju jisħaq li malli r-rieda titqanqal u tipproduċi l-affetti, il-meditazzjoni għandha titwaqqaf. Jekk ir-rieda titqanqal mill-ewwel, kważi mingħajr ebda riflessjoni, wieħed għandu jitlaq għal kollox il-punti li jkun ħejja u jsegwi l-ġibdiet tal-grazzja t’Alla.

Il-Metodu jsejjaħ lir-rieda “s-sultana tal-fakultajiet”, jitkellem dwar “meditazzjoni affettiva”, u jsejjaħ l-imħabba “għajn ineżawribbli ta’ dwal u ħsibijiet qaddisa”. Għalkemm fil-Karmelu wkoll il-ħidma tal-intellet tiġi qabel dik tar-rieda, ladarba r-rieda tixgħel bl-imħabba, l-imħabba tkattar l-għarfien ta’ Alla u tal-ħwejjeġ tiegħu. Meta jitkellem minn dan il-Metodu jirreferi għal awturi Karmelitani, bħal Duminku ta’ San Albert u oħrajn:

Knowledge and love are not to be given equal standing in prayer. And if you have love of God, it shall be an inexhaustible source of excellent enlightenment and holy thoughts, as Father Dominic mentions in his exercises.

Dan juri li r-riforma ta’ Turena ma ġarrbitx biss l-influwenza ta’ Sant’Injazju, imma wkoll ta’ awturi oħra, fosthom ta’ kittieba tagħha stess.

L-enfasi aktar qawwija fuq l-affetti fil-Karmelu ġejja mill-għanijiet differenti tal-Eżerċizzi Spiritwali u tal-Metodu. Il-Metodu għandu l-iskop li jwassal għall-elezzjoni (għażla) tal-ħajja Karmelitana, li, kif rajna meta tkellimna dwar ir-Regula, tikkonsisti filli wieħed isir spazju ħieles għal Alla (“vacare Deo”), u li jintroduċi lin-novizzi Karmelitani għat-taħdit kollu mħabba (affettiv) ma’ Alla. Jibqa’ klassiku dak il-qawl ta’ S. Tereża ta’ Ġesù fejn tgħid li “titlob ma jfissirx taħseb ħafna, imma tħobb ħafna”. Fil-Karmelu t-talb, biex ngħidu hekk, huwa aktar għan milli mezz. Sant’Injazju, min-naħa l-oħra, kiteb l-Eżerċizzi Spiritwali għall-Insara kollha. Għalih it-talb huwa aktar mezz għas-servizz appostoliku. Fil-formazzjoni tas-segwaċi tiegħu jqiegħed iċ-ċaħda, imsarrfa prinċipalment fl-ubbidjenza perfetta, qabel it-talb. Il-metodi Injazjani wkoll jippreparaw għad-don tal-kontemplazzjoni infuża, imma għal Injazju, kull talb, anke dak infuż, jibqa’ biss mezz għas-servizz appostoliku.

Il-lectio divina

Fuq il-lectio divina ġa tkellimna meta tħadditna fuq ir-Regula. Tul l-ewwel sekli tal-Ordni l-qari tal-Iskrittura fi spirtu ta’ talb kien isir skont l-itinerarju klassiku. Nixtieq inżid ukoll li meta l-Karmelitani emigraw mill-Art Imqaddsa għall-Ewropa u bdew deħlin fl-universitajiet, id-dixxiplina ekkleżjastika li l-aktar spikkaw fiha kienet l-Iskrittura Mqaddsa, hekk li sfaw imlaqqmin bħala “l-majjistri tas-sacra pagina”.

Il-prattika tal-preżenza t’Alla

Il-Karmelu dejjem ippromwova u ħeġġeġ il-prattika kontinwa tal-preżenza t’Alla mnebbaħ mill-eżempju tal-mudell l-ieħor tiegħu, il-Profeta Elija, li l-Ktieb tas-Slaten jiddeskrivihulna bħala dak li hu wieqaf, jew li jservi quddiem il-Mulej. L-esponent Karmelitan l-aktar popolari tal-prattika tal-preżenza t’Alla huwa Fra Lawrenz tar-Riżurrezzjoni li għex il-ħajja reliġjuża tiegħu fil-kunvent tal-Karmelitani Skalzi ta’ Pariġi fejn qeda bl-umiltà lil ħutu fir-rwoli ta’ kok u skarpan f’komunità numeruża. Wara mewtu, l-ittri u l-pariri spiritwali tiegħu ġew miġbura fi ktejjeb li għadu jiġi tradott u ppubblikat sal-lum anke fost l-Anglikani u l-Protestanti.

Għal Fra Lawrenz tar-Riżurrezzjoni l-ħajja spiritwali kollha kemm hi tikkonsisti fil-prattika tal-preżenza t’Alla. Jekk wieħed jipprattikaha kif jixraq, isir spiritwali f’qasir żmien. Fidil lejn S. Tereża ta’ Ġesù, li tgħid lis-sorijiet li l-Mulej jistgħu isibuh ukoll qalb it-twaġen u l-kzazel tal-kċina, jirrikkmandalna l-prattika tal-preżenza t’Alla fil-qalba tal-ħajja ta’ kuljum, waqt li wieħed iwettaq id-dmirijiet tal-istat tiegħu. Importanti li wieħed jippersevera fedelment f’din il-prattika. Darba stqarr li huwa jaqleb il-froġa għall-imħabba t’Alla. Fra Lawrenz jirrikkmandalna nagħmlu minn qalbna kappella fejn nistgħu nirtiraw minn ħin għall-ieħor biex noqgħodu mal-Mulej u ngawduh umilment fl-imħabba.

Il-prattika tal-preżenza t’Alla nitgħallmuha billi nduru spiss interjorment lejn Alla. Biż-żmien din il-ħaġa tibda tiġina naturali u tibdilna f’nies spiritwali. Għall-ewwel tkunilna diffiċli, imma biż-żmien, jekk nipperseveraw, tħalli effetti meraviljużi moħbija fir-ruħ. Fra Lawrenz iħeġġiġna biex ma nagħmlu, ngħidu jew naħsbu xejn li jista’ jagħti dispjaċir lil Alla. Din il-prattika tixgħel fir-ruħ nar divin li ma jinħassx mis-sensi tagħna, imma jikkonsma r-ruħ fl-imħabba t’Alla.

It-talb aspirattiv, jew l-aspirazzjoni

L-esponent ewlieni tat-talb aspirattiv fil-Karmelu huwa Fra Ġwann ta’ San Sansun, reliġjuż lajk għami mit-tfulija bikrija tiegħu. Fil-komunità kien jaqdi d-dmirjiet ta’ organista u ta’ surmast mhux uffiċċjali tan-novizzi. Qatta’ ħafna ħin minn ħajtu jisma’ l-qari ta’ kitbiet spiritwali u mistiċi, u (sa min qabel daħal fl-Ordni) jifforma lill-Karmelitani żgħażagħ fit-talb u fil-ħajja spiritwali. Fuq ordni tas-superjuri ddetta hu stess madwar 4000 paġna manuskritta fuq il-ħajja spiritwali.

Kif jindika l-isem tiegħu – “aspirazzjoni” – dan il-metodu ta’ talb jikkonsisti kemm f’xenqa għal Alla kif ukoll filli wieħed jgħix f’Alla u jirrespira lil Alla (allużjoni għan-nifs). Fra Ġwann jiddeskrivi hekk it-talb aspirattiv:

L-aspirazzjoni mhijiex biss taħdita ta’ mħabba, anke jekk, minnha nfisha, din hija eżerċizzju qaddis li jitwieled u jiġi mill-aspirazzjoni; hija qabża (imbuttatura) kollha mħabba u ħeġġa tal-qalb u tal-ispirtu, li permezz tagħha r-ruħ, filwaqt li tintrefa’ ’l fuq minnha nfisha ’l fuq minn kull ħaġa maħluqa, tingħaqad mill-qrib ma’ Alla bil-qawwa tal-espressjoni kollha mħabba tagħha. Din l-espressjoni (…) tmur lil hinn minn kull imħabba sensittiva, razzjonali, intellettwali jew li b’xi mod tista’ tingħaraf, u bil-qawwa tal-Ispirtu t’Alla u tagħha nfisha tasal għall-għaqda m’Alla, permezz ta’ trasformazzjoni għolja tal-Ispirtu t’Alla. Intenni li f’Alla l-ispirtu jmur lil hemm minn kull imħabba li b’xi mod tista’ tingħaraf, permezz tal-ħlewwa kotrana li ma titfissirx ta’ Alla, li fih l-ispirtu jibqa’ mgħaddas.

Fra Ġwann jgħidilna li mhux il-ħin kollu nistgħu nimmeditaw, imma l-ħin kollu nistgħu naspiraw għal Alla. Permezz tal-okkupazzjoni kollha mħabba tal-aspirazzjoni r-ruħ għandha kontinwament u fedelment tkun moħħha f’Alla. L-awtur tat-talb aspirattiv huwa l-Ispirtu s-Santu, għaliex huwa hu li jlissinha u jmexxiha.

Il-Metodu, li rreferejna ħafna għalih aħna u nitkellmu fuq il-meditazzjoni sistematika fil-Karmelu, ifisser l-aspirazzjoni bħala

Irfigħ imħeġġeġ tal-ħsieb lejn Alla magħmul minn ftit kliem imwaddab f’ħakka t’għajn lejn is-sema biex nesprimu lil Alla l-ġibdiet tajba u x-xewqat qaddisa tal-qalb.

L-aspirazzjoni tiżbroffa minn qalb mimlija mħabba, bħal fjamma minn ħuġġieġa taqbad. Meta tiġi pprattikata fedelment, ir-reliġjuż jasal fi stat fejn dawn il-vleġeġ mixħuta lejn is-sema jiġu rreċiprokati mitt darba iżjed mill-vleġeġ t’Alla, hekk li sseħħ battalja bejn Alla u l-bniedem, gwerra ta’ mħabba. Alla jkun dejjem ir-rebbieħ, u l-bniedem milqut minn dawn il-vleġeġ tal-imħabba t’Alla ma jistax ħlief jaħseb f’Alla u jixtieq li jogħġbu l-ħin kollu. Din l-attenzjoni kontinwa fuq Alla tiġi wara prattika tajba tal-meditazzjoni.

Hemm żewġ metodi kif dan l-aspirazzjonijiet jissawru fir-ruħ:

  1. Mingħajr sforzi min-naħa tar-ruħ: ħsibijiet qaddisa li jiġu fil-ħsieb u f’daqqa waħda jħeġġu r-rieda biex tagħmel atti qosra imma intensi ta’ mħabba. Din hija frott tal-ħidma tal-Ispirtu s-Santu.
  2. It-tieni mod jiddependi aktar mill-isforzi tal-bniedem. Il-ħsieb jagħmel sforz biex jinġabar u jiddeċiedi li jerfa’ ruħu lejn Alla. Dan l-att ma jeħtieġx ħafna ħsieb, imma li ninqdew b’ċirkustanzi ordinarji biex infaħħru lil Alla, jew niftakru f’xi verità divina li laqtitna fl-imgħoddi biex inbierku lil Alla, u malajr ir-rieda tħossha mqanqla biex taspira għal Alla.

Il-Metodu jgħid li f’dan it-taħdit kollu mħabba ma’ Alla nsibu b’mod speċjali l-ispirtu tal-Ordni Karmelitan.

It-talb tal-ġabra

Fl-aħħar nett, nixtieq nagħlaq billi nipproponielkom metodu, jekk irridu nsejħulu hekk, ta’ talb silenzjuż mislut mill-kitbiet ta’ S. Tereża ta’ Ġesù. Santa Tereża ta’ Ġesù tgħallimna li l-qofol tat-talb mhumiex il-ħsibijiet, iżda l-imħabba. Hija tgħid li “t-talb mhuwiex ħaġ’oħra ħlief ħbiberija, li toqgħod ħafna drabi fil-kumpanija ta’ Dak li nafu li jħobbna”. Hija tissuġerixxi metodu ta’ talb li hi ssejjaħlu “talb tal-ġabra”. Din il-forma ta’ talb tikkonsisti filli tinġabar fik innifsek sabiex hemmhekk tiltaqa’ ma’ Ġesù.

Din il-forma ta’ talb għandha żewġ mumenti. L-ewwel mument huwa attiv: jikkonsisti filli tilmaħ lil Kristu ġewwa fik. Tinġabar fis-skiet u tinfetaħ għall-preżenza ta’ Kristu ġewwa fik. Tagħraf li Alla qiegħed hemm u li inti tinsab quddiemu. Taħseb fil-kumpanija ta’ min tinsab ħalli ġġib ruħek b’mod li jixraq lil dan il-Kumpann. Iġġib lil Ġesù preżenti quddiemek u titkellem miegħu, kif għamlet Marija, oħt Marta, f’riġlejn Ġesù. Biex inġibu quddiemna lil Ġesù jistgħu jgħinuna ħafna siltiet mill-evanġelji.

It-tieni mument fit-talb tal-ġabra huwa passiv: tilmaħ lil Kristu jħares lejk. Tara li hu ma jixtieq xejn minnek ħlief li inti twieġeb għall-ħarsa tiegħu bil-ħarsa tiegħek. Ġib ruħek miegħu bħalma ġġib ruħek ma’ missier, ma’ ħuk, ma sidek, ma’ għarus. Tehda filli tħares lejh huwa u jħares lejk, filwaqt li żżommlu kumpanija, titkellem miegħu, titolbu, tumilja ruħek quddiemu u tgawdi miegħu.

Din il-forma ta’ talb tista’ tiġi ppratikata mhux biss fil-mumenti qawwija mogħtija esklussivament għat-talb, imma anke waqt ix-xogħol u l-okkupazzjonijiet. It-talb huwa mħabba, u tista’ tħobb il-ħin kollu u kullimkien. Kontinwament tista’ tagħraf li Ġesù qiegħed iħares lejk b’ħarsa ta’ mħabba u tirreċiproka l-ħarsa tiegħu bil-ħarsa tiegħek. S. Tereża tgħid li, anke jekk tinsab fil-kċina, il-Mulej jgħaddi minn qalb it-twaġen. Fil-ħajja tagħna hu meħtieġ li Marta u Marija jimxu flimkien, ħalli nilqgħu lill-Mulej u nżommuh magħna.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *