Is-Santwarju-Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu


11742999_10207381466280776_4416059851344560458_n

Ir-reliġjużi Karmelitani  li kienu jgħixu fil-kunvent tal-Imdina, meta raw kemm il-Maltin inġibdu lejn il-Madonna tal-Karmnu, xtaqu jibnu kunvent ieħor fil-qalba tan-nies, ħalli jkunu jistgħu jgħinu u jaqdu aħjar lid-devoti tal-Labtu Mqaddes. Għaldaqstant, hekk kif wara l-Assedju l-Kbir bdiet tinbena l-Belt Valletta, Patri Ġwann Vella, Karmelitan, talab lill-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann biex jagħtuh biċċa art ħalli fuqha jibni kunvent u knisja ddedikati lill-Madonna tal-Karmnu. Il-Granmastru Pietro del Monte laqa’ t-talba tiegħu u fis-27 ta’ Lulju 1570 sar il-kuntratt tal-għoti tal-art. Fl-istess sena, Patri Ġwann Vella beda x-xogħol tal-bini tal-knisja taħt it-tmexxija tal-inġinier tal-Ordni ta’ San Ġwann, Ġilormu Cassar. Sakemm tlesta x-xogħol kollu, in-nies kienet tinqeda f’kappella żgħira proviżorja. Il-knisja damet tinbena 38 sena u tlestiet fl-1608.  L-Ordni tal-Kavallieri għen ħafna billi diversi kavallieri bnew il-kappelli tal-ġnub.

Il-knisja, mibnija minn Ġlormu Cassar, kienet ta’ għamla sempliċi: b’nava waħda mdaqqsa u b’għaxar kappelli laterali, kollha artali tagħhom.  Kienet twila 150 pied u 50 pied wiesa’, u fuqha kellha koppla għamla baxxa u kampnar. Din il-knisja kienet ġiet ikkonsagrata fis-6 ta’ April 1886 mill-Amministratur Appostoliku, Monsinjur Antonio Buhagiar. Is-saqaf tal-knisja, flimkien mal-koppla, il-koppletti u l-kappelli kienu tpittru bejn l-1703-1705 minn Raimondo de Domenicis u Filippo del Palazzo. Iżda fl-1743 is-saqaf tal-knisja ħass sewwa bit-terremot li kien sar, u l-pittura ġarrbet bosta ħsarat. Fis-seklu għoxrin kienet reġgħet tpittret mill-ġdid minn Ramiro Cali.  Fl-4 ta’ Marzu 1942, fl-aħħar Gwerra Dinjija, waqt wieħed mill-attakki li saru fuq il-Belt Valletta, din il-knisja ntlaqtet u ġarrbet ħsarat konsiderevoli, b’mod speċjali fin-naħa tal-kor. Il-proġett tal-bini tal-knisja l-ġdida, fuq pjanta ta’ Ġuże’ Damato, beda fit-30 ta’ April 1958, meta l-Pirjol Ġenerali tal-Ordni Karmelitan qiegħed l-ewwel ġebla. Ix-xogħol fuq il-bini spiċċa fil-15 ta’ Ġunju 1981, meta l-Provinċjal, Patri Manwel Gatt, bierek din il-knisja wara tlieta u għoxrin sena ta’ ħidma kbira.

Wara l-festi kbar li saru fl-1881 għall-inkurunazzjoni tal-kwadru titulari, il-patrijiet mill-ewwel ħasbu biex issa, la darba l-knisja tal-Karmnu saret Santwarju, kien jixraq ukoll li togħla għad-dinjità ta’ Bażilika Minuri. Għalhekk l-ewwel ħaġa li saret kienet li l-Provinċjal tal-Karmelitani, Patri Luigi Malfatti, u l-Pirjol tal-kunvent tal-Belt, Patri Albertu Grech, flimkien mal-komunità reliġjuża, għamlu t-talba tagħhom lill-Pirjol Ġenerali tal-Ordni Karmelitan. Għalkemm din kienet xewqa xi ftit jew wisq diffiċli, il-Pirjol Ġenerali xorta waħda ressaq it-talba tiegħu quddiem il-Papa Ljun XIII u urih bix-xewqa tal-Maltin li l-knisja tagħhom tal-Belt Valletta, fejn fiha, ix-Xbieha għażiża tal-Madonna tal-Karmnu kienet għada kemm ġiet inkurunata mill-Vatikan, tiġi mgħollija għad-dinjita’ ta’ Bażilika Minuri bid-drittijiet u l-privileġġi kollha ta’ Bażilika Minuri.  Minkejja l-bosta tfixkil li nqala, il-Karmelitani Maltin irċevew l-aħbar mill-Vatikan illi l-knisja tant għażiża tal-Madonna tal-Karmnu tal-Belt mhux biss se tiġi mgħollija għad-dinjita’ ta’ Bażilika Minuri, iżda l-artal se jsir artal Papali. Dan id-digriet kien iffirmat fit-13 ta’ Mejju tas-sena 1895 ġewwa il-Vatikan.

Ħinijiet tal-Quddies

       Ħdud u Festi Kmandati

7:00 a.m., 8:00 a.m., 10:00 a.m., 11:00 a.m. u 6:30 p.m.

Is-Sibt filgħaxija u lejlet il-festi, il-Quddiesa tgħodd għall-għada: 6:30 p.m.

       Matul il-Ġimgħa

7:00am, 8:00am, 10.00am u 6:30pm.

       Kull nhar t’ Erbgha

10.00 a.m.       Quddiesa u wara tingħad it-talba supplika quddiem is-Santwarju Inkurunat

6.30 p.m.         Quddiesa Konventwali – Statio Mariana – Barka Sagramentali

Attivitajiet oħrajn

       Adorazzjoni Ewkaristika 

Kull nhar ta’ Ħamis wara l-Quddiesa tas-6:30 p.m.

       Funerali

Mit-Tnejn sas-Sibt fit-8:00 a.m. u fl-10:00 a.m.

       Żwiġijiet

Isiru bi ftehim mal-Pirjol

       Tqarbin tal-morda fi djarhom

Nhar ta’ Ħadd fid-9.00 a.m.

       Purċissjonijiet u Pellegrinaġġi

Il-Madonna tal-Karmnu (16 ta’ Lulju)

San Ġużepp (19 ta Marzu)

Qalb ta Ġesù (Lejlet il-Festa)

L-Aħħar Erbgħa tal-Madonna tal-Karmnu, pellegrinaġġ bir-replika tal-Kwadru

       Preżentazzjonijiet tat-Trabi u kitba fil-Labtu tal-Karmnu

Nhar ta’ Erbgħa u nhar ta’ Sibt wara l-Quddiesa tal-10:00 a.m.