Kulleġġ San Elija

L-Għanijiet u l-Valuri

L-għan ta’ Saint Elias College huwa li niffurmaw komunità ta’ tagħlim li tqis lil kulħadd bħala wild ta’ Alla. F’ambjent ta’ familja, kull bniedem għandu valur importanti, irrispettivament mill-ħiliet u l-kisbiet tiegħu. Għalhekk kull persuna tikber b’mod sħiħ permezz ta’ esperjenzi akkademiċi, sportivi, reliġjużi, kreattivi, kulturali, u soċjali.

frazijiet poster 150x100cm

Storja

29 ta’ Ottubru 1944 – Titwaqqaf uffiċjalment l-istituzzjoni Schola Mariano-Apostolica fil-kunvent tal-Patrijiet Karmelitani fil-Belt Valletta.

1952 – L-iskola tiġi trasferita għax-Chateau Lonz f’Santa Venera. L-isem tal-iskola jinbidel għal Mount Carmel College.

1968 – Jibda x-xogħol fuq il-bini tal-Kulleġġ il-ġdid, fuq pjanti tal-Perit Leonard Mahoney, u jibda jibda jintuża sentejn wara.

28 ta’ Diċembru 1971 – Isir it-tberik tal-Kulleġġ mill-W.Rev. Patri Ġustin Sant O.Carm., Pirjol Provinċjali.

1974 – Jibda jintuża sular ġdid.

1998 – L-isem tal-Kulleġġ jinbidel għal Saint Elias College.

29 ta’ Ottubru 2014 – Jitbierek sular ġdid mill-E.T. Mons. Pawlu Cremona O.P., Arċisqof Emeritu ta’ Malta.

Faċilitajiet

L-ispazju fil-Kulleġġ baqa’ jiġi żviluppat matul is-snin u skont l-esiġenzi tat-tagħlim. Illum, minbarra għaxar klassijiet, insibu: tliet ċentri tat-tagħlim, laboratorju tal-Fiżika, laboratorju tal-Kimika, laboratorju tal-Bijoloġija, laboratorju tal-Kompjuters, laboratorju tal-Home Economics, kamra tal-arti, librerija, kamra tal-qari, kamra tal-Personal, Social & Career Development, sala, kappella, kamra tal-għalliema, kamra tal-logħob, kamra għal-laqgħat, żewġ btieħi, ġimm, uffiċċji u kmamar oħrajn. F’kull klassi u kamra tat-tagħlim insibu interactive panel. Insibu wkoll ġnien żgħir għar-rikreazzjoni tal-istudenti, li sar mill-membri tal-EkoSkola.

Attivitajiet

Minbarra l-ħin għat-tagħlim, l-istudenti jieħdu sehem f’diversi attivitajiet, fosthom dawk sportivi, reliġjużi u edukattivi. Permezz taċ-Chaplaincy, l-istudenti jistgħu jieħdu sehem ukoll fil-grupp Connect li jitlaqqa’ wara l-ħin tal-iskola. Il-ġenituri tal-istudenti jiġu mistiedna għal diversi attivitajiet fl-iskola.

Kuntatti

Indirizz:          Saint Elias College, 18, Misraħ S. Venera, S. Venera SVR1681

Telefon:           (+356) 21 484121

Imejl:               rector@steliascollege.edu.mt

Websajt:          www.steliascollege.edu.mt

Facebook:        Saint Elias College – Malta