Marija

Marija, l-Omm Spiritwali tal-Karmelitani

Virgin MaryId-devozzjoni tal-Ordni Karmelitan lejn Marija, Omm Ġesù, bdiet sa mit-twaqqif tiegħu. Fl-Imqaddsa Verġni Marija l-Karmelitani dejjem raw ix-xbieha perfetta ta’ dak li tassew jixtiequ u jridu li jkunu: mudell ta’ għaqda sħiħa m’Alla l-Missier, id-dixxiplu perfett ta’ Kristu, u l-animatriċi tal-ewwel komunità nisranija.

Fil-Prefazju tal-Quddiesa Votiva tal-Madonna tal-Karmnu, nitolbu hekk:

Hija imsieħba hekk bis-sħiħ fil-Misteru ta’ Kristu,
ma stmerrietx tnissel għalik u għall-Knisja tiegħek,
ulied, li dejjem tqanqal u tħeġġeġ
għall-imħabba sħiħa tiegħek.
Fosthom għażlet ukoll lilna,
biex tgħaqqadna miegħek billi tiġbidna
bil-fwieħa tal-virtù tagħha,
u tmexxina b’imħabba ta’ omm.
Lilna li nagħmlu sehem mill-Ordni tagħha,
ħarsitna bil-libsa li tatna;
waqt li nsiru nixbhuha fid-dinja,
nikkontemplaw bla heda ‘l Ibnek il-Waħdieni
bl-istess spirtu tagħha,
inħobbu lil ħutna bl-istess qalb kbira tagħha,
u f’ħajjitna kollha nfittxu li niġbduhom għand Kristu.

Din ir-rabta bejn Marija u l-Ordni Karmelitan tidher tul is-sekli tal-ħajja tiegħu kif tixhed it-tradizzjoni qawwija li għaddewlna l-kittieba Karmelitani fl-opri tagħhom. Hu minn din l-għajn ta’ għerf li llum nistgħu ngħidu li d-devozzjoni tal-Ordni lejn Marija għaddiet minn tliet mumenti partikulari:

1) Marija, il-Patruna tal-Karmelitani: Ir-Regula ta’ San Albert (par. 2) tisħaq li l-Karmelitan jinsab f’patt ma’ Ġesù Kristu. Il-kliem Latin użat fir-Regula huwa “in obsequium Iesu Christi” li jfisser “f’ubbidjenza lejn Ġesù Kristu.” Għall-ewwel eremiti tal-Karmelu, li jkollhom patt simili ma’ Kristu, kienet ħaġa naturali ladarba kienu qed jgħixu f’artu. Imma flimkien ma’ dan il-patt huma riedu wkoll jidħlu f’rabta ma’ Omm is-Sinjur tagħhom, il-Verġni Mbierka. Għaldaqstant, meta l-eremiti Karmelitani bnew l-oratorju (skond paragrafu 14 tar-Regula) u ddedikawh lil Marija, bħala s-Sinjura tal-Għolja tal-Karmelu, huma qiesu lilhom infushom mhux biss f’patt ma’ Ġesù Kristu imma wkoll marbutin għall-qima u l-qadi ta’ Marija u mqegħdin taħt il-ħarsien u l-patronat tagħha. B’din l-għażla ta’ Marija bħala Patruna tagħhom, l-eremiti tal-Karmelu riedu juru li l-Ordni kien imwaqqaf f’gieħha. L-istess isem tal-Ordni huwa xhieda ta’ dan. Għalkemm komunement huwa magħruf bhala “L-Ordni Karmelitan”, l-isem proprju, użat sa mill-bidu, huwa “L-Ordni tal-Aħwa tal-Imqaddsa Verġni Marija tal-Għolja tal-Karmelu”, kif jidher f’ittra miktuba lill-Karmelitani mill-Papa Innoċenz IV fl-1252. L-intenzjoni tagħhom tidher ċara mid-dokumenti li ħallewlna u mill-knejjes u l-postijiet li ddedikaw lil Marija. Marija, bħala l-Omm Spiritwali tal-Karmelitani (Omm u Ġmiel tal-Karmelu), hija tema ċentrali tad-tradizzjoni spiritwali Karmelitana. Bħalma Kristu huwa binha u l-ħellies tagħna, u aħna lkoll aħwa tiegħu, hekk ukoll aħna wliedha. Il-Karmelitani żammew dejjem quddiem għajnejhom li hija biċċa xogħol tal-omm li tnissel, tmantni u tkabbar il-ħajja. U bħalma Marija ġiebet lil Ġesù fid-dinja u ħadet ħsiebu, hekk ukoll il-Karmelitani huma msejħa biex inisslu lil Ġesù fi qlub il-bnedmin u jżommu ħajja l-preżenza tiegħu. Hija parti mill-ħajja tal-Karmelitani li jkomplu l-ħidma materna ta’ Marija.

2) Marija, il-Verġni l-Aktar Safja: Dan it-titlu ħareġ minn diversi riflessjonijiet dwar il-verġinità ta’ Marija u r-relazzjoni tal-Karmelitani magħha. Il-Karmelitani taż-Żminijiet tan-Nofs raw fil-verġinità tal-Patruna tagħhom u fil-kwalità tagħha ta’ Omm il-Feddej, il-mudell ta’ ħajjithom. L-imħabba tagħhom għall-verġinità u s-safa tal-qalb tidher fir-rakkonti ta’ dawk iż-żminijiet. Kienu jħobbu jgħidu li huma kellhom rabtiet mal-profeti verġni, Elija u Eliżew, minħabba li l-eremiti kienu ilhom jgħixu fuq l-Għolja tal-Karmelu sa minn żmien Elija. Għalihom il-Profeta Elija kien l-ewwel raġel li għex ħajja verġinali u Marija l-ewwel mara. Għaldaqstant fil-ħajja tagħhom ta’ safa kkonsagrat, l-eremiti fittxew li jimxu fuq il-passi tagħhom. Minħabba dan il-fatt l-aħwa tal-Karmelu bdew isejħu lil Marija bhala “Oħthom” u lilhom infushom bħala “Aħwa tal-Imqaddsa Verġni Marija”. Il-Karmelitani ma qisux lilhom infushom sempliċiment “aħwa” għaliex jgħixu flimkien il-ħajja kkonsagrata; huma l-aħwa ta’ Marija, u lilha kellhom jimitaw bil-ħajja verġinali u safja tagħhom. Huma ħarsu lejn is-safa mhux sempliċiment filli wieħed jevita d-dnub jew jgħix kast, imma fl-offerta sħiħa tal-persuna lil Alla, bħalma għamlet Marija: billi tat lil Alla qalb safja. Għal S. Ġwann tas-Salib, fil-fatt, is-safa tal-qalb m’hija xejn ħlief ħarsa msammra fi Kristu. Minħabba f’hekk il-Patruna, Omm Kristu, il-Verġni l-aktar safja, saret l-ideal personifikat ta’ dak li l-Aħwa tal-Karmelu jixtiequ jkunu: bnedmin ta’ qalb safja u f’għaqda m’Alla. Marija hija l-ideal ħaj tal-ħajja Karmelitana: ħajja attenta għall-Kelma ta’ Alla biex jagħtuh servizz sħiħ fl-opra tal-fidwa.

3) Il-Madonna tal-Labtu: Id-devozzjoni lejn il-Labtu tal-Madonna tal-Karmnu beda fl-Ingilterra fi tmiem is-seklu tlettax meta l-Ordni kien għaddej minn persekuzzjoni qalila. Imma Marija, il-Patruna, dejjem daħlet għall-għeżież tagħha, u lill-Karmelitani għenithom joħorġu rebbieħa fuq dawk li riedu jagħmlulhom il-ħsara meta l-Ordni, imdawwar kif kien minn tant tfixkil u theddid, kien wasal f’xifer il-qerda tiegħu. It-Tradizzjoni twasslilna l-ġrajja li San Xmun Stock, Ġeneral tal-Ordni Karmelitan, waqt li b’qalbu magħfusa u kollu ħeġġa kien qiegħed jitlob l-għajnuna tal-Madonna għall-Ordni bit-talba tal-Flos Carmeli [Fjur tal-Karmelu], f’telfa mistika jara lill-Verġni Mbierka li hija u turih il-libsa Karmelitana – jew il-labtu – qaltlu, “Dan ikun is-sinjal għalik u għall-Karmelitani kollha, li min imut fih ma jintilifx.” Il-Labtu huwa dan is-sinjal tal-ħelsien mill-qerda. Li tmut fih ifisser li tippersevera minkejja t-tiġrib fil-mixja tal-fidi, tama u mħabba wara Ġesù Kristu taħt il-ħarsien ta’ Marija. Permezz tal-libsa reliġjuża, il-Labtu, il-Karmelitani jingħataw u jikkonsagraw ruħhom mhux biss għal Alla imma wkoll għal Marija. Huma jingħataw kollhom kemm huma lilha u hi min-naħa tagħha tħarishom u tagħrafhom li huma tagħha. Bħalma l-libsa kienet ir-rahan tal-għajxien u l-protezzjoni li s-sid jew il-patrun kien jagħti lill-qaddejja tiegħu, hekk l-Karmelitani minn dejjem emmnu li permezz tal-libsa mqaddsa tagħhom, il-Labtu, Marija toħroġhom rebbieħa. Għaldaqstant il-Labtu tal-Madonna tal-Karmnu huwa l-libsa mqaddsa tal-Ordni Karmelitan li juri r-rabta li tgħaddi bejn Marija u dawk li jxidduh fuqhom.