L-Ispiritwalità

Aylesford

Aylesford

F’Ġesù Kristu, Bin il-Missier u l-“kbir fost il-ħlejjaq kollha”, aħna ngħixu għamla ġdida ta’ għaqda ma’ Alla u mal-proxxmu u hekk nieħdu sehem mill-missjoni tal-Verb li sar bniedem u niffurmaw il-Knisja li hija fi Kristu.

Din il-ħajja [evanġelika] hija kkaratterizzata minn tfittxija bir-reqqa ta’ Alla f’għaqda sħiħa ma’ Kristu, li turi ruħha fil-ħajja fraterna u l-ħeġġa appostolika.

“Ngħixu f’ubbidjenza lejn Ġesù Kristu u naqduh fedelment b’qalb safja u b’kuxjenza tajba” (Regola 2). Din is-sentenza ispirata minn San Pawl hija l-għajn ta’ kull element tal-kariżma tagħna u l-pedament li fuqu Albertu [ta’ Ġerusalemm] bena l-proġett tal-ħajja tagħna. Il-Karmelitani jgħixu f’ubbidjenza lejn Ġesù Kristu b’mod kontemplattiv imħarreġ minn ħajja ta’ talb, ta’ fraternità u ta’ qadi f’nofs il-poplu.

Sa mill-bidu, it-tfittxija ta’ wiċċ Alla l-ħaj b’atteġġjament kontemplattiv kien dak li fforma l-ħajja Karmelitana.

Il-kontemplazzjoni tibda meta aħna nintelqu f’idejn Alla, b’kull mod li Alla jagħżel li jersaq lejna; dan huwa atteġġjament ta’ ftuħ lejn Alla, li f’kollox insibu l-preżenza tiegħu. Għalhekk, il-kontemplazzjoni hija l-vjaġġ interjuri tal-Karmelitani, li tibda mill-inizjattiva ħielsa ta’ Alla, li tmissna u tibdilna, u tmexxina lejn l-għaqda ma’ Alla fl-imħabba, u terfagħna b’tali mod li nkunu nistgħu ngawdu minn din l-imħabba gratwita u ngħixu f’dik il-preżenza ta’ mħabba mimlija għożża. Din l-imħabba, li tgelgel minn Alla, ittina l-esperjenza li tibdilna: tbattalna mill-atteġġjamenti umani, limitati u imperfetti, ta’ kif naħsbu, inħobbu u nġibu ruħna, u ttihom il-laqta divina.

Il-fiduċja tagħna fit-talb, jekk ngħixuha b’fedeltà mal-ġrajjiet kumplessi tal-ħajja ta’ kuljum, jagħmel mill-fraternità Karmelitana xhud tal-preżenza ħajja u misterjuża ta’ Alla fost il-poplu tiegħu. It-tfittxija għall-wiċċ Alla u l-aċċettazzjoni tad-doni tal-Ispirtu jagħmlu lill-Karmelitani aktar attenti għas-sinjali taż-żminijiet, sensibbli għaż-żerriegħa tal-preżenza tal-Verb fl-istorja, ukoll permezz tal-viżjoni u l-valutazzjoni tal-fatti u tal-ġrajjiet fil-Knisja u fis-soċjetà.

(Kostituzzjonijiet Karmelitani, nri 1, 3, 14, 15, 18)