Il-Lectio Divina u l-Karmelitani

L-istorja ta’ din l-għamla ta’ talb u r-rabta tagħha mal-Karmelitani


It-taħrig tal-Lectio Divina għandu l-bidu tiegħu mat-twelid tal-Knisja. Fit-Testment il-Ġdid insibu diversi eżempji: Atti 4:23-31, l-Apokalissi, id-diversi kantiċi mxerrdin ‘l hawn u ‘l hinn fil-vanġeli u fl-ittri ta’ San Pawl. Dan il-mod ta’ talb insibuh ukoll għal qalb il-Missirijiet tal-Knisja u l-monaċi. L-ewwel komunitajiet insara, imsejsin fuq ix-xhieda ta’ Ġesù u l-Appostli, għarfu jaqraw l-Iskrittura b’lenti ġdida, il-lenti tal-qawmien mill-imwiet ta’ Sidna Ġesù. It-Testment il-Ġdid huwa għalhekk testament tal-mod kif il-Knisja tal-bidu sabet fl-Iskrittura Mqaddsa li kellha f’idejha xhieda tal-iżjed mezz effikażi ta’ kif issir taf u titlob lil Alla, irrivelat lilna fil-persuna ta’ Ġesù Kristu. Il-Lectio Divina, flimkien mal-liturġija u x-xogħol manwali, issir għalhekk għal dawk li riedu jimxu wara Ġesù b’iżjed radikalità – fil-ħajja monastika – hija s-sinsla tar-Reguli kollha tal-Knisja.

Imbagħad il-metodu konkret li jintuża f’dan l-eżerċizzju tal-Lectio Divina kien introdott madwar is-sena 1150 mill-monaku Ċertożin l-Abbati Guigo II, li fl-opra tiegħu “Ittra lil Fra Ġervażju dwar il-ħajja kontemplattiva”, magħrufa wkoll bħala “Is-sellum tal-ġenna”, jispjega b’mod sistematiku dak li kien prattikat mill-monaċi, jiġifieri il-metodu tal-Lectio Divina.  Huwa jqabbel dan l-eżerċizzju ma’ sellum b’erba’ skaluni li mill-art iwassal għas-sema: lectio (qari), meditatio (meditazzjoni), oratio (talb), contemplatio (kontemplazzjoni).

Tajjeb ngħidu li dan mhuwiex biss metodu imma stil ta’ ħajja mibni fuq il-Kelma ta’ Alla. Huwa f’dan l-ambjent spiritwali tal-Lectio Divina li twieled l-Ordni Karmelitan. Għalhekk Albertu, il-Patrijarka ta’ Ġerusalemm, lill-Karmelitani ma setax ma jagħtihomx Għamla ta’ Ħajja (Regula) li ma tkunx mibnija fuq il-Kelma ta’ Alla. Infatti huwa jħeġġeġ lill-eremiti biex fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum il-lectio divina jkollha l-ewwel post: kull wieħed joqgħod f’kamartu “lejl u nhar jaħseb fuq il-Liġi tal-Mulej u jishar fit-talb” (Reg., 10). Fi żmien San Albert, il-kelma “jaħseb” (jimmedita) kienet tfisser li wieħed jaqra u jerġa’ jaqra b’vuċi li tinstema’ l-Kotba Mqaddsa sakemm kważi jitgħallem is-silta bl-amment, hekk li l-Kelma tasal fil-qalb, fejn tinbidel f’talba u fi djalogu m’Alla. F’paragrafu 11 ir-Regula Karmelitana titlob biex dawk li jafu jaqraw, jgħidu t-talb tas-Sigħat mal-kjeriċi. Din tat-“talb tas-Sigħat” hija waħda mit-tibdiliet li għamel il-Papa Innoċenzu IV. Albertu kiteb ir-Regula lil grupp ta’ eremiti. Għaldaqstant ma setax jobbligahom li jgħidu l-Uffiċċju Divin (il-Liturgija tas-Sigħat) għax dan kien karatteristika tal-membri ta’ ħajja reliġjuża u klerikali. L-Ordni Karmelitan ħaddan il-ħajja klerikali meta sab ruħu fl-Ewropa u kellu jadatta ruħu għaċ-ċirkostanzi l-ġodda. Bħalma kienet it-tradizzjoni fost l-eremiti, Albertu ħeġġeġ lill-eremiti tal-Għolja tal-Karmelu biex jitolbu permezz tas-salmi, u dan jagħmlu meta kitbilhom biex “kull wieħed…. lejl u nhar jaħseb fuq il-Liġi tal-Mulej u jishar fit-talb”. Għaldaqstant, meta jitkellem mis-salmi, Albertu ried ikompli juri kif il-Karmelitan għandu jgħaddi l-ħin fil-kamra tiegħu: jaħseb, jishar fit-talb u jitlob is-salmi, jiġifieri jagħmel il-lectio divina. Barra din il-forma ta’ talb individwali, ir-Regula titlob ukoll li jkun hemm is-smigħ komunitarju tal-Kelma ta’ Alla fl-Ewkaristija u bil-qari tal-Kotba Mqaddsa waqt l-ikel (Reg., 7, 14).

Għal San Albert u l-ewwel ġenerazzjonijiet tal-Karmelitani l-kelma jaħseb (jimmedita) kienet tfisser proprju dan: li l-Kelma ta’ Alla “tgħammar bil-kotra fil-fomm u fil-qalb” (par. 18) ta’ kull wieħed minnhom. Fil-kmamar tagħhom u f’kull attività li jwettqu, il-Karmelitani jixtarru bla waqfien il-Kotba Mqaddsa u jgħożżuhom f’qalbhom. Dan l-eżerċizzju tal-lectio divina għandu skop preċiż: li wieħed isir midħla tal-Kelma ta’ Alla u jħalliha titlaħħam f’ħajtu. Jidher li l-Karmelitani taż-Żminijiet tan-Nofs imxew fuq din it-tradizzjoni u tassew għamlu l-Kelma ta’ Alla ċ-ċentru ta’ ħajjithom.