L-Ordni Karmelitan

L-IMG_1153Ordni Karmelitan jaf il-bidu tiegħu lil grupp ta’ eremiti li lejn l-aħħar tas-seklu tnax kienu jgħixu qrib l-Għajn ta’ Elija fuq l-Għolja tal-Karmelu fil-Palestina. Fosthom ma kienx hemm il-bniedem kariżmatiku li jista’ jissejjaħ il-fundatur tal-Ordni, bħalma hu San Duminku għall-Ordni Dumnikan jew San Franġisk għall-Ordni Franġiskan. Kien hemm sa mill-bidunett żewġ figuri li ispiraw lill-Karmelitani: Marija, is-Sinjura tal-Post, Omm, Oħt, u Ġmiel; kif ukoll il-Profeta Elija, Mexxej u Missier tal-Ordni tagħna. Il-Karmelitani ma jħaddnu l-ebda waħda mir-Reguli klassiċi (bħal p.eż. ta’ San Bażilju, San Benedittu, jew Santu Wistin), imma Regula jew Għamla ta’ Ħajja mfassla proprju għalihom skont l-ideal li xtaqu jgħixu. Din ir-Regula nkitbet minn San Albert, Patrijarka ta’ Ġerusalemm, u ngħatat lill-eremiti li kienu jgħammru fuq l-Għolja tal-Karmelu bejn l-1206 u l-1214.

Iż-żminijiet tal-bidu

Dawn li ġejjin huma l-elementi l-iżjed fundamentali li ffurmaw il-bażi tal-Ordni Karmelitan:

L-eremiti – l-eremit huwa l-bniedem li jiddedika ruħu għal Alla b’ħajja ta’ waħdu, ‘il bogħod mid-dinja u nieqes minn kollox biex jimxi wara Kristu b’mod aktar sħiħ, b’ħajja ta’ talb, xogħol manwali, karità u ċaħda. Sa mill-bidu tal-Knisja, il-ħajja eremitika ma kinitx mifhuma l-istess minn kulħadd. Insibu xi monasteri li kienu jippermettu lill-membri tagħhom jgħixu ħajja solitarja jew “anakoreta”, filwaqt li monasteri oħra kienu jinkoraġġixxu lill-eremiti biex jgħixu flimkien, jew f’ċenobju, taħt it-tmexxija u l-ħarsien tal-Abbati. Għalkemm l-għamliet ta’ ħajja eremitika kienu ħafna, l-għan ewlieni tagħhom kien wieħed: li jgħixu l-ħajja nisranija b’mod radikali, sempliċi u ‘il bogħod mill-ħajja mgħaġġla tal-ibliet.

Il-pellegrini – li wieħed jgħix f’pellegrinaġġ kontinwu kienet għamla oħra ta’ ħajja axxetika ferm popolari fil-Knisja taż-Żminijiet tan-Nofs. Għall-Knisja tas-seklu tnax il-pellegrin ma kienx biss in-nisrani li jmur iżur ċentri ta’ devozzjoni. Aktar minn hekk, il-pellegrin kien dak il-bniedem li jgħix barrani għal din id-dinja, mingħajr dar stabbli u dejjem fi vjaġġ. Ma setax jonqos li l-mira ta’ ħafna eremiti u pellegrini tal-Lvant u l-Punent kienet li jmorru Ġerusalemm, biex spiritwalment u fiżikament, jimxu fuq l-istess passi tal-Imgħallem tagħhom, dak Kristu li battal lilu nnifsu u miet għeri fuq is-salib, biex bħalu jgħixu bħala xbieha ta’ Ġerusalemm tas-sema, il-vera art twelidhom. Forma oħra ta’ pellegrinaġġ kienu l-Kruċjati organizzati mill-prinċpijiet Ewropej biex jiddefendu l-Art Imqaddsa u l-postijiet l-aktar sagri mill-attakki tal-Misilmin. Mhux ftit kienu dawk il-pellegrini li kienu mbagħad jibqgħu jgħixu ħajja axxetika fl-istess art li fuqha mexa Ġesù.

L-Għolja tal-Karmelu – huwa mifhum, skont xi studjużi Karmelitani, li diversi minn dawn il-pellegrini tal-aħħar għażlu l-Għolja tal-Karmelu, il-post fejn twieled u minnu ħa ismu l-Ordni Karmelitan, biex jgħixu l-bqija ta’ ħajjithom fit-talb u ċ-ċaħda. L-Għolja tal-Karmelu, li sewwa sew hija ffurmata minn sensiela ta’ għoljiet f’tul ta’ 35 km., tinsab in-naħa ta’ fuq ta’ Iżrael, fuq il-baħar Mediterran. Is-sbuħija tal-Għolja tal-Karmelu ssib l-eku tagħha fl-għana tal-profeti (Għan 7,6; Is 35,2; Ġer 50,19). L-isem Karmelu jfisser il-Ġnien tad-dwieli tal-Mulej. Il-profeti u l-kotba tar-Rabta l-Qadima jaraw fil-Karmelu s-simbolu tal-poplu ta’ Alla, u fl-Għanja tal-Għanjiet il-maħbub iqabbel is-sbuħija tal-maħbuba tiegħu mas-sbuħija tal-Karmelu.  Kien hawn li l-Profeta Elija sfida l-qassisin u l-qaddejja ta’ alla Baal (1 Slat 18, 19-40) biex joffru sagrifiċċju bla ma jqabbdu n-nar u dak alla li jibgħat in-nar mis-sema juri li hu Alla l-veru. U għal din il-grajja l-Għolja tal-Karmelu baqgħet magħrufha bħala waħda mill-għoljiet li fuqhom dehret il-qawwa ta’ Alla. Minħabba r-rabta li teżisti bejn il-Profeta Elija u l-Għolja tal-Karmelu, dan il-post huwa meqjus bħala qaddis u jgawdi rispett kbir mit-tliet religjonijiet monoteistici: l-Ebraiżmu, il-Kristjaneżmu  u l-Islam. Sa llum, fuq l-Għolja tal-Karmelu, għadna nsibu diversi postijiet li għandhom rabta trdizzjonali mal-Profeta Elija. Fosthom hemm: (i) El-Muħraqa, jigifieri l-post tal-ħruq, tas-sagrifiċċju, fejn il-profeta Elija sfida l-erba’ mija u ħamsin profeta ta’ Baal; (ii) l-Għar ta’ Elija, illum is-sinagoga El-Kahdr, li tradizzjoni Lhudija u Musulmana jżommu bħala l-għar li fih għex Elija; (iii) l-Għajn ta’ Elija li tinsab f’daqsxejn ta’ wied, magħruf bħala Wadi es-Siah, fejn jinsabu l-fdalijiet ta’ monasteru ta’ żmien il-kruċjati li skond studjużi moderni fih kienu jgħixu l-ewwel Karmelitani.

Ftit li xejn nafu fuq il-ħajja tal-ewwel Karmelitani qabel ma ħaddnu l-ħajja eremitika. Ma nafux jekk kinux kavallieri jew suldati, għorrief jew le, nobbli jew nies sempliċi. Kull ma nafu huwa li kienu Nsara mogħtijin għal ħajja ta’ penitenza. M’aħniex ċerti lanqas jekk ġewx mill-Punent jew kienux Nsara jew Monaċi tal-Lvant.

Il-migrazzjoni lejn l-Ewropa

Minħabba l-attakki tal-Misilmin fil-Palestina, il-Karmelitani, f’Kapitlu li ġie ċċelebrat fuq l-Għolja tal-Karmelu, talbu l-permess li jiċċaqalqu lejn postijiet aktar siguri fl-Ewropa fejn setgħu jkomplu jgħixu dik l-għamla ta’ ħajja ta’ fuq il-Karmelu. Meta daħlu fl-Ewropa, il-Karmelitani fehmu li posthom fil-Knisja kien mal-moviment ġdid tal-mendikanti. Tħabtu ħafna biex jibqgħu fidili lejn l-ideal li l-Ordni kien diġà beda jgħix fil-Lvant u, fl-istess ħin, jiġġeddu u jadattaw lilhom infushom biex jimxu mal-kuntesti ġodda Ewropej. Bosta kienu l-Ordnijiet diġà stabbiliti fl-Ewropa li opponew l-eżistenza ta’ dan l-Ordni l-ġdid Karmelitan, li fl-Ewropa sa dak iż-żmien qajla kienu jafu bih in-nies. Il-ħidma tagħhom seħħet għal kollox permezz tal-Papa Innoċenz IV fl-1247 meta approva definittivament it-test tar-Regula Karmelitana u permezz tal-Papa Girgor IX fl-1299 meta approva definittivament l-istess eżistenza tal-Ordni. Hekk huma sabu ruħhom fil-qalba tal-Knisja tal-Punent, mimli sa mill-bidu tiegħu bi storja movimentata ta’ tiġdid, adattament, u fedeltà f’kull ċirkustanza lejn Ġesù Kristu, is-Sinjur tal-Post.

L-eqdem Kostituzzjonijiet Karmelitani li nstabu s’issa (tal-1281) isemmu sa mill-ewwel rubrika li f’każ li xi membri żgħar tal-Ordni tagħna jistaqsu x’inhu l-ideal li għalih imsejjaħ l-Ordni Karmelitan, għandu jingħad hekk: “il-kontemplazzjoni tal-ħwejjeġ tas-sema”. Dan l-istil ta’ ħajja jinbena fuq id-dedikazzjoni għat-talb, f’mixja wara Kristu, fil-ħajja komuni u l-faqar evanġeliku, u fil-qadi tal-foqra permezz ta’ ħidma appostolika. Matul l-ewwel seklu ta’ ħajja dawn il-kwalitajiet, flimkien mar-rabta tagħhom mal-Karmelu, għenu lill-Karmelitani mhux biss biex ikunu veri mendikanti, imma wkoll biex il-grupp zgħir ta’ eremiti jsir wieħed mill-erba’ Ordinjiet mendikanti l-kbar.

Ħarsa ħafifa lejn is-sekli ta’ wara

Matul is-sekli erbatax u ħmistax l-Ordni Karmelitan, bejn wieħed u ieħor, żviluppa fuq l-istess linji tal-Ordnijiet mendikanti l-oħra: żmien ta’ qawmien fl-istudji universitarji, nuqqas ta’ ħeġġa lejn il-ħajja reliġjuża, qawmien u tiġdid permezz ta’ bnedmin qaddisa u l-movimenti ta’ riforma. L-ewwel riforma fl-Ordni Karmelitan kienet dik ta’ Santa Maria delle Selve (Firenze) li flimkien mar-riformi ta’ Gironda, fl-Isvizzera, u ta’ Mantova, fl-Italja, aktar tard iffurmat il-Kongregazzjoni Mantovana li kellha madwar 53 kunvent b’aktar minn 700 reliġjuż u madwar 15-il kunvent tas-sorijiet tal-klawsura. Matul dan iż-żmien fl-Ordni nsibu ħafna reliġjużi li baqgħu magħrufa għall-qdusija u għall-għerf tagħhom.

Fis-seklu sittax ħadmu ħafna favur ir-riforma tal-Ordni l-Pirjoli Ġenerali Nicolò Audet, Ġwanni Battista Rossi u Ġwanni Battista Caffardo. Fl-istess seklu għandna wkoll it-twelid tar-riforma Tereżjana. Insodisfatta mill-istil ta’ ħajja reliġjuża mgħixha fil-kunvent tal-Inkarnazzjoni ta’ Avila (Spanja), fl-1562 Santa Tereża ta’ Ġesù ffundat kunvent ta’ tnax-il soru. Il-Ġeneral tal-Ordni, Ġ. B. Rossi, filwaqt li għaraf il-ġid kbir ta’ din ir-riforma, ħeġġeġ lil Santa Tereża biex twaqqaf aktar kunventi fil-Kastilja. Santa Tereża kienet tħeġġeġ, kif kien jagħmel ukoll l-istess Ġeneral, biex dawn il-kunventi tar-riforma ma jinqatgħux mill-kumplament tal-Ordni. Imma dan fil-fatt seħħ bosta intriċċi u kumplikazzjonijiet politiċi u ġuridiċi. Is-sitwazzjoni inqatgħet għal kollox fl-1593 bis-separazzjoni ġuridika tal-Kongregazzjoni Karmelitana Skalza mill-Ordni Karmelitan.

Il-fatt tal-firda, wkoll jekk kompla jikber matul is-snin, ma fixkel xejn mill-mixja spiritwali tal-Ordni.  F’partijiet oħra tad-dinja l-Ordni kien qed iwarrad b’persuni qaddisin u b’ħajja osservanti.  Fil-monasteru ta’ Santa Marija tal-Angli ta’ Firenze, l-Italja, il-ħajja u l-esperjenza mistika ta’ Santa Marija Maddalena de’ Pazzi wasslu għal tiġdid kbir mhux biss fil-monasteru tagħha imma f’monasteri oħra wkoll. Mill-belt Franċiża ta’ Rennes, fis-seklu sbatax, ħarget ir-riforma ta’ Tours taħt it-tmexxija tal-Venerabli Filippu Thibault, li r-regulamenti tagħha ġew approvati mill-Knisja u applikati fl-Ordni b’ġid kbir għall-ħajja Karmelitana. Ir-ruħ ta’ din ir-riforma kien il-Venerabbli Ġwanni ta’ San Sansun, fra agħma u mistiku kbir. Is-sekli sittax u sbatax kienu snin ta’ ħidma kbira, b’mod partikulari fit-tixrid tad-devozzjoni marjana, kemm bil-kitba u wkoll bl-iżvilupp tat-Terz Ordni u tal-Konfraternitajiet tal-Labtu tal-Madonna tal-Karmnu.

Lejn tmiem is-seklu tmintax, lejlet ir-Rivoluzzjoni Franċiża, l-Ordni Karmelitan kien kiber u xtered ma’ kullimkien. Biżżejjed ngħidu li kellu 54 Provinċja b’madwar 750 kunvent u 13,000 reliġjuż. Imma r-riefnu tas-soppressjonijiet tal-ħajja reliġjuża minn ħafna gvernijiet f’bosta pajjiżi u li baqa’ jonfoħ sas-seklu għoxrin għamel ħerba u ħsarat kbar fost l-Ordnijiet reliġjużi. L-istatistika tal-1904 turi li l-Ordni Karmelitan kien ridott għal ftit religjuzi: 8 provincji, 50 kunvent u 727 reliġjuż!  Madanakollu, minn dawn is-soppressjonijiet l-Ordni Karmelitan ġie mżejjen b’persuni qaddisin, ħafna minnhom martri, li taw ħajjithom għall-valuri tal-Evanġelju.

Ix-xogħol diffiċli tal-qawmien mill-ġdid tal-Ordni beda lejn nofs is-seklu dsatax. Bil-mod il-mod beda jakkwista xi ftit minn dak li kien tilef u wkoll waqqaf mill-ġdid xi wħud mill-Provinċji li kienu ġew kważi fix-xejn. It-triq ma kinitx faċli, imma bil-għajnuna ta’ ħafna reliġjużi dedikati u deċiżi, l-Ordni reġa’ beda jieħu r-ruħ u jiffjorixxi mill-ġdid f’diversi pajjiżi. Bejn is-seklu dsatax u għoxrin, quddiem l-Ordni Karmelitan infetħu orizzonti ġodda bil-wasla tiegħu għall-ewwel darba fl-Amerika, fl-Awstralja, f’Burkina Faso, fl-Indonesja, fiż-Zimbabwe, fil-Filippini, fil-Perù, fil-Bolivja, f’Venezwela, fl-Arġentina, fil-Kongo, fil-Mozambik, f’Timor Leste, fil-Vjetnam, fil-Kolombja, fil-Messiku u fl-Indja, fost l-oħrajn.