Ir-Regola

It-test tar-Regola

[1] Albertu, imsejjaħ mill-grazzja ta’ Alla, Patrijarka tal-Knisja ta’ Ġerusalemm, lill-ulied maħbuba fi Kristu, B(rokard) u lill-eremiti l-oħra li jgħixu taħt l-ubbidjenza tiegħu, ħdejn il-għajn fil-Għolja tal-Karmelu, is-sliem fil-Mulej u l-barka ta’ l-Ispirtu s-Santu.

[2] Ħafna drabi u b’ħafna manjieri, is-Santi Padri ddeċidew b’liema mod kull wieħed – ikun f’liema Ordni jkun, jew tkun liema tkun il-għamla ta’ ħajja reliġjuża li jkun għażel – għandu jgħix f’ubbidjenza lejn Ġesù Kristu u fedelment jaqdih b’qalb safja u b’kuxjenza tajba.

[3] B’danakollu ladarba qegħdin titolbuna, nagħtukom għamla ta’ ħajja li taqbel ma’ l-ideal tagħkom, lilha għandkom tħarsu minn issa ‘l quddiem.

[4] Nordnaw l-ewwelnett li jkollkom wieħed minnkom bħala Pirjol li jintagħżel għal dan l-uffiċċju bil-kunsens ta’ kulħadd jew tal-parti l-aktar għaqlija; lilu, kull wieħed mill-oħrajn iwiegħed ubbidjenza u jfittex iħares il-wegħda bis-sewwa ta’ l-għemil flimkien mas-safa u ċ-ċaħda ta’ kulma għandu.

[5] Tistgħu toqogħdu fl-eremitaġġ jew fejn jagħtukom, basta jkun xieraq u jgħodd għall-ħarsien tal-ħajja reliġjuża tagħkom, skond kif il-Pirjol u l-aħwa jidhrilhom li jkun jaqbel.

[6] Barra minn hekk, skond il-qagħda tal-post fejn għażiltu li toqogħdu kull wieħed minnkom ikollu kamra waħda maqtugħa mill-oħrajn li tingħata lil kull wieħed skond kif jidhirlu l-Pirjol innifsu bi ftehim ma’ l-aħwa l-oħra jew mal-parti l-aktar għaqlija.

[7] B’danakollu dak li taqilgħu għall-ikel, għandkom tiħduh flimkien, f’refettorju wieħed, waqt li jekk jista’ jkun, tisimgħu xi qari mill-Kotba Mqaddsa.

[8] L-ebda reliġjuż ma jista’, mingħajr il-permess tal-Pirjol li jkun fil-kariga, ibiddel il-kamra mogħtija lilu jew jibdilha ma’ ta’ ħaddieħor.

[9] Il-kamra tal-Pirjol tkun ħdejn id-daħla tal-post fejn toqogħdu, sabiex huwa jkun l-ewwel li jilqa’ lil min jiġi f’dan il-post u mbagħad dak kollu li għandu jsir jitwettaq skond il-fehma u r-rieda tiegħu.

[10] Kull wieħed għandu joqgħod f’kamartu jew ħdejha, lejl u nhar jaħseb fuq il-Liġi tal-Mulej u jishar fit-talb, sakemm ma jkunx mehdi fi ħwejjeġ oħra ta’ siwi.

[11] Dawk li jafu jgħidu t-Talb tas-Sigħat mal-kjerċi, għandhom igħiduh skond id-disposizzjonijiet tas-Santi Padri u d-drawwa mwettqa mill-Knisja. Dawk li ma jafuhx, fis-sahra tal-lejl igħidu ħamsa u għoxrin Missierna, barra l-Ħdud u l-festi solenni li fl-uffiċċju tagħhom ta’ bil-lejl l-għadd imsemmi rridu li jkun daqshekk darb’oħra, hekk illi l-Missierna tingħad għal ħamsin darba. Din it-talba tingħad għal seba’ darbiet fit-talb ta’ filgħodu. Fis-sigħat l-oħra tingħad ukoll l-istess talba għal seba’ darbiet f’kull siegħa, barra mill-uffiċċju ta’ filgħaxija li fih għandkom tgħiduha għal ħmistax-il darba.

[12] Ħadd mill-aħwa ma jgħid li għandu xi ħaġa tiegħu, imma kollox ikun komuni fostkom u jitqassam minn idejn il-Pirjol jew minn xi reliġjuż maħtur minnu għal dan l-uffiċċju; waqt li jagħti każ ta’ l-età u l-ħtiġijiet ta’ kull wieħed.

[13] Tisgħu wkoll iżżommu xi ħmir jew bgħula skond kif il-ħtieġa tagħkom titlob, u trabbu xi annimali jew tjur.

[14] Sabiex ikun aktar adattat, l-oratorju għandu jinbena f’nofs iċ-ċelel; fih, mas-sebh għandkom tinġabru kuljum, meta jkun possibbli, ħalli tisimgħu l-quddies.

[15] Fil-Ħdud jew fi ġranet oħra, meta jkun meħtieġ, iddiskutu fuq l-osservanza ta’ l-ordinament tal-ħajja u s-salvazzjoni ta’ ruħkom, u fl-istess ħin in-nuqqasijiet u l-ħtijiet ta’ l-aħwa, jekk jinstabu f’xi ħadd, jiġu kkoreġuti bl-imħabba.

[16] Għankom issumu kuljum, minn barra l-Ħdud, mill-festa ta’ l-Eżaltazzjoni tas-Salib sa Ħadd il-Għid, sakemm il-mard jew id-dgħufija tal-ġisem, jew xi raġuni oħra ġusta, ma jitolbux li s-sawma tinkiser; għax il-bżonn m’għandux liġi.

[17] Laħam la tiklux, jekk mhux bħala kura għall-mard u għan-nuqqas ta’ saħħa. U billi ta’ sikwit jeħtiġilkom tittalbu meta tkunu qegħdin tivjaġġaw, barra mill-kunventi tagħkom tisgħtu tieħdu ikel imsajjar bil-laħam biex ma tkunux ta’ piż għal min jilqagħkom; fuq il-baħar tisgħu tieklu l-laħam ukoll.

[18] Ladarba l-ħajja tal-bniedem fuq l-art hija ħajja ta’ tiġrib u dawk kollha li jridu jgħixu tajjeb fi Kristu jsofru t-tbatija, u billi l-għadu tagħkom ix-xitan idur madwarkom bħal iljun jgħajjat, ifittex lil min jibla’, għandkom tħabirku bl-akbar ħeġġa li tilbsu l-armi ta’ Alla sabiex tistgħu żżommu sħaħ quddiem it-tnassis ta’ l-għadu.

[19] Ħażżmu ġenbejkom bil-ħżiem tas-safa; saħħu qlubkom bi ħsibijiet qaddisa għax hemm miktub: “Il-ħsieb qaddis iħarsek.” Ilbsu l-korazza tal-ġustizzja sabiex tħobbu lill-Mulej Alla tagħkom b’qalbkom kollha, b’ruħkom kollha u bil-ħila kollha u ’l proxxmu tagħkom bħalkom infuskom. Żommu f’kollox it-tarka tal-fidi ħalli biha tkunu tistgħu titfu l-vleġeġ tan-nar kollha tax-xitan: għaliex mingħajr il-fidi ma jistax ikun li togħġbu lil Alla. Xiddu f’raskom l-elmu tas-saħħa sabiex tistennew il-ħelsien mingħand il-feddej waħdieni li jifdi l-poplu tiegħu minn dnubietu. Is-sejf tar-ruħ hu l-Kelma ta’ Alla; ħa jgħammar bil-kotra fil-fomm u fil-qalb tagħkom u kulma tagħmlu, agħmluh skond il-Kelma tal-Mulej.

[20] Għandkom tagħmlu xi biċċa xogħol ħalli x-xitan isibkom dejjem mehdija, li ma jirnexxilux isib fil-għażż tagħkom xi daħla minn fejn jidħol f’ruħkom. Għandkom hawnhekk it-tagħlim kif ukoll l-eżempju ta’ San Pawl Appostlu, li b’fommu kien jitkellem Kristu, u li nħatar u ngħata minn Alla bħala xandar u għalliem tal-fidi u tas-sewwa lill-ġnus, u jekk timxu warajh ma jistax ikun li titqarrqu: “Meta konna fostkom,” jgħid huwa, “lejl u nhar ħdimna u tħabatna u batejna biex ma nkunu ta’ piż għal ħadd minnkom. Imxejna hekk mhux għaliex ma għandniex dritt li żżommuna intom. Imma ridna nagħtukom eżempju biex timxu fuqu. Meta konna fostkom aħna ordnjanielkom li jekk xi ħadd ma jridx jaħdem, dan anqas ma għandu jiekol. Issa aħna smajna li hemm xi wħud fostkom li qed jitgħażżnu; m’humiex jaħdmu, imma qed jinħlew fix-xejn. Lil dawn in-nies nordnawlhom u nwissuhom, f’isem Sidna Ġesù Kristu, biex jaħdmu bil-kwiet u għajxienhom jaqilgħuh.” Din it-triq hija qaddisa u tajba: imxu fiha.

[21] L-Appostlu imbagħad jirrikmanda s-skiet x’ħin amar li x-xogħol isir bil-kwiet; u kif il-Profeta jixhed: il-ħarsien tal-ġustizzjahuwa s-skiet; u wkoll: fis-skiet u fit-tama tkun il-qawwa tagħkom. Għalhekk nixtabilixxu li minn x’ħin tingħad il-kompjieta, iżżommu s-skiet sakemm tgħidu l-Prima ta’ l-għada. Fil-ħinijiet l-oħra, għalkemm huwa permess li ma jkunx hemm ħarsien kbir tas-skiet, b’danakollu ta’ min joqgħod attent mill-ħafna kliem żejjed ghax kif hemm miktub u kif tgħallem l-esperjenza: “fil-kliem żejjed id-dnub ma jonqosx” u “min ipaċpaċ kif ġie ġie, iġarrab id-deni”, u wkoll “min jgħid wisq jagħmel ħsara lil ruħu.” U l-Mulej fl-Evanġelju jgħid: “ta’ kull kelma żejda li jgħidu l-bnedmin, iridu jagħtu kont tagħha f’jum il-ħaqq.” Għalhekk kull wieħed jagħmel miżien għal kliemu u jrażzan sewwa fommu li ma jmurx jiżloq minħabba f’ilsienu, u l-waqgħa ma jqumx minnha sal-mewt. Kull wieħed iħares mal-Profeta l-imġieba tiegħu ħalli ma jonqosx b’ilsienu jfittex li, bir-reqqa u bl-attenzjoni, josserva s-skiet li fih hemm il-ħarsien tal-ġustizzja.

[22] U inti, ħija B(rokard), u kull min warajk jinħatar Pirjol, żommu dejjem f’moħħkom u wettqu bl-għemil dak li l-Mulej jgħid fl-Evanġelju: “Kull min irid ikun il-kbir fostkom, għandu jkun il-qaddej tagħkom u kull min irid ikun l-ewwel fostkom, ikun l-ilsir ta’ kulħadd.”

[23] Intom ukoll, l-aħwa l-oħra weġġħu bl-umiltà lill-Pirjoli tagħkom waqt li ġġibu quddiemkom aktar milli lilu, lil Kristu li qegħdu fuqkom u jgħid lill-Kapijiet tal-Knisja: “Min jisma minnkom, jisma’ minni; min imaqdar lilkom, imaqdar lili”, sabiex ma jsirx ħaqq minnkom għax inqasstuhom imma talli obdejtu jkun jistħoqqilkom il-ħlas tal-ħajja ta’ dejjem.

[24] Ktibnielkom dan fil-qosor billi tajniekom għamla ta’ ħajja ħa timxu fuqha. Jekk xi ħadd jagħmel aktar minn dan, il-Mulej innifsu, meta jiġi għall-ħaqq, iħallsu; b’danakollu ta’ min juża’ l-prudenza għax hi tmexxi kull virtù.

10carme3

Aqra iżjed dwar l-istorja tar-Regola

Aqra iżjed dwar it-tifsir spiritwali tar-Regola