Elija, il-Missier Spiritwali tal-Karmelitani
L-aħwa tal-Karmelu jqisu ruħhom bħala l-ulied spiritwali tal-Profeta Elija. Billi l-ewwel Karmelitani kienu eremiti-pellegrini u jgħixu ħajja ta’ skiet u talb fuq l-Għolja tal-Karmelu, huma ħassew rabta speċjali ma’ Elija għax fih lemħu xempju għal ħajjithom.
Sa mill-ewwel żminijiet tal-kristjaneżmu, Missirijiet il-Knisja raw fil-persuna tal-Profeta Elija mudell tal-ħajja perfetta. Il-moviment monastiku tas-seklu IV, filwaqt li enfasizza l-verġinità, il-faqar, il-ħajja tad-deżert, it-talb u s-sawm tal-profeta Elija, ippreżentah bħala l-prekursur u l-fundatur tal-ħajja monastika. Fost il-ħafna Missirijiet tal-Knisja li jitkellmu mill-Profeta Elija bħala “mera tal-ħajja eremitika” insibu lil San Ġustinu, Sant’Irinew, Oriġene, Sant’Atanasju u San Ġlormu. Imbagħad dwar il-post fejn għammar il-Profeta, San Bażilju jghid: “Hawn għandna l-Għolja tal-Karmelu fejn Elija għex ħajja li togħġob ‘l Alla.” L-Għolja tal-Karmelu kienet il-post qaddis fejn il-profeta għamel ħwejjeġ kbar għal Alla. Jacques de Vitry, l-isqof ta’ Akri (1216-1228), meta jitkellem mill-pellegrini li ħaddnu l-ħajja eremitika, jgħid li “fuq l-eżempju u l-imitazzjoni tal-profeta Elija huma jgħixu ħajja solitarja fuq il-Għolja tal-Karmelu … fi kmamar żgħar, qishom xehda, dawn in-naħal tal-Mulej jiġbru għasel spiritwali ħelu.”
Għaldaqstant, meta l-ewwel Karmelitani, li kienu jgħixu fuq l-Għolja tal-Karmelu, għażlu lil Elija bħala l-mudell ta’ ħajjithom, huma ma kinux qed jagħmlu ħaġ’oħra għajr li jsegwu l-ispiritwalità u t-tradizzjoni tas-Santi Padri. F’dan is-sens, tul l-istorja tal-Ordni, l-awturi Karmelitani ħarsu lejn il-Profeta Elija bħala l-Fundatur spiritwali u l-ispiratur tal-Ordni Karmelitan. Kien ukoll f’dan is-sens li nhar is-26 ta’ Ġunju 1725, is-Santa Sede tat il-permess li fil-Bażilka Vatikana titwaqqaf l-istatwa ta’ Sant’Elija bil-kitba taħtha: Universus Ordo Carmelitarum Fundatori suo Sancto Eliae Prophetae erexit (l-Ordni Karmelitan kollu waqqaf din l-istatwa lill-Fundatur tiegħu l-Profeta Elija).
Elija u l-Karmelitani
Kull bniedem huwa msejjaħ għall-perfezzjoni (Mt 5:48). B’danakollu dil-perfezzjoni ma tistax tintlaħaq f’ġurnata, imma bil-mod il-mod. Il-ħajja nisranija hija mixja, żvilupp kontinwu li jwassalna għal maturità tagħna fi Kristu. Fit-Testment il-Qadim naraw kif Alla mexxa u għallem lill-poplu tiegħu: bil-mod il-mod u b’paċenzja kbira. Fit-Testment il-Ġdid naraw żvilupp, approfondiment gradwali tal-fidi. In-nisrani ma jistax jieqaf, imma jrid jikber kontinwament biex jikseb il-milja tal-ħajja fi Kristu. Kristu nnifsu ma kienx nieqes minn din l-esperjenza, “u baqa’ jikber fil-għerf, fis-snin u fil-grazzja quddiem Alla u quddiem il-bnedmin.”
L-Ordni Karmelitan, tul l-istorja tiegħu, mexa u għadu miexi fuq din il-liġi tal-iżvilupp. Il-kelma tal-Profeti kienet dejjem indirizzata għas-sitwazzjoni tagħhom. Kienu dejjem attwali fil-messaġġi tagħhom għax fittxew li jagħtu tweġibiet ġodda għal problemi ġodda. Il-Profeti dejjem jopponu l-idea li l-istorja waslet fil-milja tagħha u li ma hemm xejn aktar xi jsir u x’jinbidel. Għaldaqstant il-Karmelitani, fuq l-ispirtu tal-Profeta Elija, mhux biss ifittxu li jkunu fidili għat-tradizzjonijiet tagħhom tal-passat, imma wkoll li jkunu kreattivi meta jsibu ruħhom quddiem tibdil ġdid.
Elija kien bniedem li jaf jaqra s-sinjali taż-żminijiet u l-konsegwenzi futuri tagħhom. Kien juża l-esperjenza li kellu ta’ Jhwh, li akkwista fis-skiet u s-solitudni, biex jippreżenta l-Kelma ta’ Alla għal żmienu. Il-Karmelitani wkoll, imnebbħin mill-profeta Elija, filwaqt li fis-solitudni tagħhom jikkontemplaw il-Kelma ta’ Alla u jirriflettu fuq is-sinjali ta’ żmienhom, iwasslu l-messaġġ ta’ Alla lill-bniedem ta’ llum.
Bħalma Elija kien bniedem tassew impenjat fit-tradizzjonijiet reliġjuzi tal-poplu tiegħu, il-Karmelitani jfittxu li jkunu fidili għat-tradizzjoni tagħhom ta’ talb fis-skiet u s-solitudni, fil-kontemplazzjoni u l-mistiċiżmu. Minħabba f’hekk l-Ordni wassal diversi nisa u rġiel biex jakkwistaw esperjenza mistika ta’ Alla. Elija mhux sempliċiment jirritorna għall-passat, imma jinterpreta mill-ġdid it-tradizzjoni fid-dawl ta’ ċirkustanzi ġodda. Għall-Karmelitani, il-fedeltà tagħhom lejn il-passat mhix li jibqgħu marbuta miegħu imma li jippreżentaw b’mod għaqli u kreattiv it-tradizzjoni tal-Ordni. F’kull żmien l-ispiritwalità tal-Karmelu tkompli tistaqsi: kif jista’ wieħed ikun f’għaqda intima m’Alla u fl-istess ħin jisma’ l-Kelma tiegħu fid-dinja ta’ llum?
L-Ordni Karmelitan jifforma parti mit-tradizzjoni tal-mendikanti, fejn il-membri tiegħu mhux biss jgħixu fis-sempliċità u l-faqar, imma wkoll jaqdu lill-Knisja bl-appostolat. Fil-ħajja ta’ Elija ma kienx hemm konflitt bejn it-talb u l-attività. U l-istess ħaġa fil-ħajja tal-Karmelitani. Bħal Elija huma jfittxu li jkunu fidili għat-tradizzjoni kontemplattiva tal-Ordni meta jfittxu li jaqdu lill-Mulej Ġesù fil-wiċċ ta’ kull persuna li jiltaqgħu magħha. Bħalma l-profeta Elija kien il-qalb u l-kuxjenza ta’ Israel, hekk ukoll jippruvaw ikunu l-Karmelitani fil-Knisja u fid-dinja, dawk li jibnu mill-ġdid il-fidi tal-komunità. Din id-dimensjoni profetika tal-ispiritwalità Karmelitana titlob mill-membri tal-Ordni li jgħixu fid-dinja ta’ żmienhom. Bħall-profeti tal-antik ifittxu li jkunu miftuħa għall-Kelma ta’ Alla, li jkunu attenti għas-sinjali taż-żminijiet, u li jitkellmu kontra l-inġustizzji kull fejn jarawhom. Il-Karmelitani jfittxu wiċċ Alla mhux biss fis-solitudni, imma wkoll fost dawk il-bnedmin li huma foqra u emarġinati, bħalma għamel il-Profeta Elija.
Iż-żminijiet tagħna llum, għalkemm f’kuntest storiku differenti, joffru ċertu xebħ maż-żminijiet li fihom għex u ħadem il-profeta Elija: hu żmien ta’ bidla soċjali radikali, ta’ kriżi fis-sens reliġjuż, ta’ kilba għall-ġid u l-flus, ta’ inġustizzji li jagħmlu l-bniedem ilsir ta’ allat foloz. Għaldaqstant, illum ukoll, Elija jkompli jkun għalina l-Karmelitani mudell, il-bniedem ta’ Alla f’nofs il-poplu li hu fil-bżonn ta’ Alla, tal-ħelsien u tal-fidwa.