Id-Dar tat-Talb ‘Lunzjata’ fetħet uffiċjalment bħala dar tal-irtiri fl-1990. Id-Dar tinsab fil-limiti tar-Rabat, lil hemm min-Nigret u Għar Barka. Huwa post ta’ skiet kbir u mdawwar minn kampanja sabiħa u għalhekk joffri ambjent ideali għal irtir fis-silenzju.
Mifrux fuq l-art mħollija min-nobbli Margerita d’Aragona, madwar is-sena 1418 hawn inbena l-ewwel kunvent tal-Karmelitani f’Malta li jinkludi l-kappella mdaqqsa tal-Lunzjata, li parti minnha tmur lura għas-seklu ħmistax, u l-għar ta’ San Anard li hu kappella-għar medjevali.
Id-dar tilqa’ fiha gruppi għal jiem ta’ irtir fis-silenzju. Toffri wkoll programm ta’ Irtiri Karmelitani fis-silenzju immexxija mir-Reliġjużi Karmelitani. Mgħammra bi tmintax-il kamra en suite u l-kumditajiet meħtieġa, inklużi żewġ kmamar għal persuni bi bżonnijiet speċjali, ġnien, refettorju, sala kbira u oħra iżgħar, żewġ kappelli fuq ġewwa, knisja u kamra għad-direzzjoni spiritwali. Fil-każ ta’ rtiri residenzjali, jiġu offruti lożor u xugamani. Id-dar tilqa’ sa 32 ruħ residenti u sa 50 ruħ għal ġurnata.
Id-dar tilqa’ wkoll indiwidwi (sa erba’ min-nies f’żewġt ikmamar) fil-kunvent l-antik li jkunu jixtiequ jagħmlu rtir weħidhom fis-silenzju. Dan is-servizi jiġi offrut fuq bażi ta’ self-catering. Jiġu offruti lożor u xugamani. Il-kunvent l-antik huwa mgħammar bi kċina, kappella, u żewġt ikmamar en suite.
Kuntatti
Id-Dar titmexxa minn Bord li hu presedut mill-Provinċjal.
L-Amministratur tagħha hu s-Sur Joe Rapinett li jista’ jiġi kkuntattjat bit-telefon fuq in-numru (+356) 21459021 jew bl-imejl fuq lunzjata@karmelitani.org
Għal aktar informazzjoni dwar x’inhu għaddej fid-Dar, tista’ wkoll tidħol fill-paġna Facebook.
Fil-kappella tal-Lunzjata, kull nhar ta’ Ħadd (esklużi l-Ħdud minn Lulju sa Settembru) ikun hemm ir-rużarju fit-3.30 p.m. u l-Quddiesa fl-4.00 p.m.