Kapitlu Provinċjali 2024
L-ewwel Patrijiet Karmelitani ġew Malta fis-sena 1418 b’riħet it-testment tas-Sinjura Margerita D’Aragona di Pellegrino. Awturi oħra, bħal Egido Leondelicato, Karmelitan, u l-Abbati Rocco Pirro, jgħidu li jista’ jkun diġà qabel din id-data kien hawn xi preżenza Karmelitana f’Malta; imma ta’ dan m’għandna f’idejna s’issa l-ebda prova storika.
Is-Sinjura Margerita D’Aragona, nobbli ġejja mill-familja rjali ta’ Aragona, Spanja, armla tal-mejjet Giacomo Pellegrino, fil-5 ta’ Ġunju 1418, billi kienet marida, għamlet it-testment tagħha quddiem in-Nutar Antonio Azzopardo. F’dan it-testment, wara li ħalliet ħafna legati piji, ħalliet ukoll “il-knisja ta’ Santa Marija Annunzjata li bnejt mill-ġdid fl-inħawi magħrufa ta’ San Leonard … Irrid ukoll u nikkmanda li l-imsemmija knisja, flimkien mal-beni mħollija lilha fil-legat ta’ hawn fuq, tiġi mogħtija mill-eżekuturi hawn taħt imsemmija flimkien mal-Venerabbli Dun Cataldo lil dik ir-Reliġjon jew Ordni li jridu huma u jidhrilhom l-aħjar.” Donna Margerita mietet ftit ġranet wara li għamlet it-testment li ġie ppubblikat fl-14 ta’ l-istess xahar (Ġunju) bis-solennità kollha mitluba. Bħalma talbet Donna Margerita l-eżekuturi tat-testment offrew il-knisja tal-Lunzjata lill-Patrijiet Karmelitani fi Sqallija. Min-naħa tagħhom, billi diġà kien hemm magħhom xi patrijiet Maltin, aċċettaw l-offerta u wara ftit taż-żmien ġew Malta u ħadu pussess tal-knisja tal-Lunzjata. L-ewwel Patrijiet Karmelitani li nafu bihom minn dokument tas-26 ta’ Jannar 1441 kienu Patri Guliermu Cassar, Pirjol tal-kunvent ta’ Santa Marija Annunzjata, u Patri Perichonus tal-Ordni Karmelitan. Fl-ewwel snin il-patrijiet kienu joqogħdu f’xi erbat ikmamar li kien hemm mal-knisja, iżda fil-laqgħa tal-komunità li saret fit-2 ta’ Mejju 1546, ħassew il-bżonn li l-Patrijiet Karmelitani f’Malta jkollhom kunvent akbar, għax fejn kienu joqogħdu kien żgħir wisq.
Matul is-snin in-numru tal-patrijiet beda jiżdied hekk li infetħu kunventi oħra fil-Belt Valletta (1570), fil-Birgu (1582-1652) u fl-Imdina (1659). Dawn il-patrijiet u l-kunventi tagħhom kienu jiddependu mill-Provinċja Karmelitana ta’ Sant’Anġlu fi Sqallija, b’wieħed mill-patrijiet magħżul bħala Vigarju Provinċjal. Dan baqa’ jsir sas-sena 1818, meta l-gvern Ingliż ordna s-separazzjoni tal-kunventi ta’ Malta minn dawk ta’ Sqallija. Il-Ġeneral tal-Ordni Karmelitan, il-Majjistru P. Aloisio Faro, għaldaqstant, ħareġ Digriet li permezz tiegħu fired il-kunventi Karmelitani f’Malta minn dawk ta’ Sqallija u poġġihom taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu, u ħatar bħala l-ewwel Vigarju Provinċjal lill-Majjistru Patri Pietru Tumas Tanti. Fil-bidu tal-1892 il-patrijiet fetħu kunvent ieħor f’San Ġiljan. Dan wassal biex il-Ġeneral tal-Ordni, il-Majjistru P. Wiġi M. Galli, b’reskritt mogħti mis-Santa Sede fis-7 ta’ Mejju 1892, fil-31 tal-istess xahar għolla l-Vigarjat għall-grad ta’ Provinċja regulari u ħatar bħala l-ewwel Provinċjal tal-Provinċja Karmelitana f’Malta lill-Majjistru P. Wiġi Malfatti. B’dan l-iżvilupp fil-ħajja tal-Karmelitani Maltin il-ħidma tagħhom kompliet dejjem tinfirex hekk li fis-snin ta’ wara infetħu kunventi oħra f’Sta Venera, fil-Fgura, il-Fleur-de-Lys u ngħata bidu għall-missjoni fl-Amerika Latina.