Is-Santwarju-Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu


11742999_10207381466280776_4416059851344560458_n

Ħinijiet tal-Quddies


Ħdud u Festi Kmandati

7:00 a.m., 8:00 a.m., 10:00 a.m., 11:00 a.m. u 6:30 p.m.

Is-Sibt filgħaxija u lejlet il-festi, il-Quddiesa tgħodd għall-għada: 6:30 p.m.

Matul il-Ġimgħa

7:00am, 8:00am, 10.00am u 6:30pm.

Kull nhar t’ Erbgha

10.00 a.m.       Quddiesa u wara tingħad it-talba supplika quddiem is-Santwarju Inkurunat

6.30 p.m.         Quddiesa Konventwali – Statio Mariana – Barka Sagramentali

 

Attivitajiet oħrajn


Adorazzjoni Ewkaristika 

Kull nhar ta’ Ħamis wara l-Quddiesa tas-6:30 p.m.

Funerali

Mit-Tnejn sas-Sibt fit-8:00 a.m. u fl-10:00 a.m.

Żwiġijiet

Isiru bi ftehim mal-Pirjol

Tqarbin tal-morda fi djarhom

Nhar ta’ Ħadd fid-9.00 a.m.

Purċissjonijiet u Pellegrinaġġi

Il-Madonna tal-Karmnu (16 ta’ Lulju)

San Ġużepp (19 ta Marzu)

Qalb ta Ġesù (Lejlet il-Festa)

L-Aħħar Erbgħa tal-Madonna tal-Karmnu, pellegrinaġġ bir-replika tal-Kwadru

Preżentazzjonijiet tat-Trabi u kitba fil-Labtu tal-Karmnu

Nhar ta’ Erbgħa u nhar ta’ Sibt wara l-Quddiesa tal-10:00 a.m.

Ħarsa lura fl-Istorja


Il-Karmelitani  Maltin billi bdew jaraw li n-nies kienet inġibdet wisq lejhom, u li permezz tagħhom id-devozzjoni lejn il-Madonna tal-Karmnu kienet tferrxet ġmielha fost il-Maltin, xtaqu li jibnu kunvent ieħor fil-qalba tan-nies ħalli jkunu jistgħu jferrxu d-devozzjoni tal-Labtu Mqaddes.

Għalhekk, appena bdiet tinbena il-Belt il-ġdida wara ir-rebħa tal-Assedju il-Kbir, Patri Ġwann Vella, Karmelitan, għamel talba lill-Ordni tal-Kavallieri biex jagħtuh biċċa art biex fuqha jibni kunvent u knisja iddedikati lill-Madonna tal-Karmnu. Il-Granmastru Pietro del Monte laqa’ din it-talba u fis-27 ta’ Lulju 1570 sar il-kuntratt tal-għoti ta l-art.

F’dik is-sena stess, Patri Ġwann Vella beda x-xogħol tal-bini tal-knisja taħt it-tmexxija tal-inġinier tal-Ordni, Ġilormu Cassar. Sakemm tlesta x-xogħol kollu, in-nies kienet tinqeda b’kappella żgħira proviżorja. Il-knisja damet tinbena 38sena u tlestiet fl-1608.  L-Ordni tal-Kavallieri għen ħafna billi diversi kavallieri bnew il-kappelli laterali.

Il-knisja mibnija minn Ġlormu Cassar kienet ta’ għamla sempliċi: b’nava waħda mdaqqsa u bil-kappelli laterali u għaxar artali.  Kienet twila 150 pied u 50 pied wiesa’, u fuqha kellha koppla għamla baxxa u kampnar. Din il-knisja kienet ġiet ikkonsagrata fis-6 ta’ April 1886 mill-Amministratur Appostoliku, Monsinjur Antonio Buhagiar. Is-saqaf tal-knisja, flimkien mal-koppla, l-koppletti u l-kappelli kienu tpittru bejn l-1703-1705 minn Raimondo de Domenicis u Filippo del Palazzo, iżda fl-1743 is-saqaf kien ħass sewwa b’terremot li kien sar, u l-pittura ġarrbet bosta ħsarat. Fis-seklu għoxrin kienet reġgħet tpittret mill-ġdid minn Ramiro Cali.  Fl-4 ta Marzu 1942, fl-aħħar Gwerra Dinjija, waqt wieħed mill-attakki li saru fuq il-Belt Valletta, din il-knisja ntlaqtet u ġarrbet ħsara konsiderevoli fil-knisja b’mod speċjali fil-kor.

Il-proġett tal-bini tal-knisja l-ġdida beda fit-30 ta’ April 1958, meta l-Ġeneral tal-Patrjiet Karmelitani qiegħed l-ewwel ġebla tal-knisja l-ġdida li kellha tinbena fuq pjanta ta’ Ġuże’ Damato. Ix-xogħol fuq il-bini spiċċa fil-15 ta’ Ġunju 1981, meta l-provinċjal Patri Manwel Gatt bierek din il-knisja wara tlieta u għoxrin sena ta’ ħidma kbira.

Wara il-festi kbar li saru fl-1881 għall-inkurunazzjoni, il-Patrijiet mill-ewwel ħasbu biex issa li l-knisja tal-Karmnu saret Santwarju kien jixraq ukoll li togħla għad-dinjità ta’ Bażilika Minuri.

Għalhekk l-ewwel ħaġa li sar kien li l-W.R.P. Majjistru Luigi Malfatti, Provinċjal tal-Karmelitani ta’ Malta u l-Pirjol tal-Kunvent tal-Belt, P. Albertu Grech flimkien mal-Komunità Karmelitana tal-Belt għamlu t-talba lir-Revmu. P. Ġeneral tal-Ordni. Għalkemm din kienet xewqa xi ftit jew wisq diffiċli il-Patri Ġeneral għamel t-talba tiegħu quddiem il-Papa Ljun XIII u urih bix-xewqa tal-Maltin li l-knisja tagħhom tal-Belt Valletta fejn fiha kienet għada kemm ġiet inkurunata mill-Vatikan ix-Xbieha għażiża tal-Madonna tal-Karmnu tiġi mgħollija għad-dinjita’ ta’ Bażilika Minuri bid-drittijiet u l-privileġġi kollha ta’ Bażilika Minuri.  Minkejja bosta tfixkil li inqala, il-Karmelitani rċevew l-aħbar mill-Vatikan illi l-knisja tant għażiża tal-Madonna tal-Karmnu tal-Belt mhux biss se tiġi mgħollija għal dinjita’ ta’ Bażilika Minuri iżda l-artal se jsir artal Papali. Dan id-digriet ġie ffirmat fit 13 ta’ Mejju tas-sena 1895 ġewwa il-Vatikan.