
Aylesford
F’Ġesù Kristu, Bin il-Missier u l-“kbir fost il-ħlejjaq kollha”, aħna ngħixu għamla ġdida ta’ għaqda ma’ Alla u mal-proxxmu u hekk nieħdu sehem mill-missjoni tal-Verb li sar bniedem u niffurmaw il-Knisja li hija fi Kristu.
Din il-ħajja [evanġelika] hija kkaratterizzata minn tfittxija bir-reqqa ta’ Alla f’għaqda sħiħa ma’ Kristu, li turi ruħha fil-ħajja fraterna u l-ħeġġa appostolika.
“Ngħixu f’ubbidjenza lejn Ġesù Kristu u fedelment naqduh b’qalb safja u b’kuxjenza tajba,” (Regula, 2); din il-frażi meħuda mill-kitbiet ta’ S. Pawl hija l-bażi ta’ dak kollu li tiġbor fiha l-kariżma tagħna u l-pedament li fuqu Albertu [ta’ Ġerusalemm] bena l-programm ta’ ħajjitna. Il-Karmelitani jgħixu l-ubbidjenza lejn Kristu billi jfittxu bla waqfien il-wiċċ ta’ Alla l-Ħaj fil-fraternità u fil-qadi fost il-poplu.
Sa mill-bidunett il-komunità karmelitana ngħatat għamla ta’ ħajja kontemplattiva kemm fl-istruttura kif ukoll fil-valuri ewlenin.
Il-kontemplazzjoni tibda meta nintelqu f’idejn Alla, ikun x’ikun il-mod li huwa jagħżel biex jersaq lejna. Hija mġieba li biha ninfetħu għal Alla, li nsibuh preżenti kullimkien. Hekk il-kontemplazzjoni ssir għall-Karmelitan mixja interjuri li ġejja mir-rieda ħielsa ta’ Alla li jqanqlu u jmexxih lejn l-għaqda sħiħa ta’ mħabba miegħu, filwaqt li jagħtih il-grazzja li jgawdi l-fatt li huwa maħbub minn Alla u jgħix fil-preżenza kollha mħabba tiegħu. Din hija esperjenza tal-imħabba ta’ Alla li tibdilna. Din l-imħabba tbattalna mill-modi umani, limitati u imperfetti, ta’ kif naħsbu, inħobbu, u nġibu ruħna, u tibdilhom f’modi divini.
Il-valuri tal-kontemplzzjoni jagħmlu mil-fraternità karmelitana xhieda tal-preżenza ħajja u misterjuża ta’ Alla f’nofs il-poplu tiegħu. It-tfittix ta’ wiċċ Alla u l-aċċettazzjoni tad-doni tal-Ispirtu jagħmluha aktar attenta għas-sinjali taż-żminijiet, sensibbli għall-inqas sinjal tal-preżenza tal-Verb fl-istorja, ukoll permezz ta’ dixxerniment tal-fatti u l-ġrajjiet li jseħħu fi ħdan il-Knisja u s-soċjetà.
(Kostituzzjonijiet Karmelitani, nri 1, 3, 14, 16-18)