L-“Archivum Provinciæ Fratrum Carmelitarum Melitensis” jaf il-bidu tiegħu fl-1819, eżattament meta b’ordni tal-Gvernatur Ingliż, Sir Thomas Maitland, il-komunitajiet Karmelitani Maltin inqatgħu mill-Provinċja Karmelitana ta’ Sqallija biex għaddew taħt il-ġurisdizzjoni diretta tal-Pirjol Ġenerali tal-Ordni f’Ruma, P. Luigi Antonio Faro. P. Pietru Tumas Tanti kien elett l-ewwel Vigarju Ġenerali għal Malta. Wara l-fundazzjoni tal-kunvent ta’ San Ġiljan f’Diċembru 1890, Malta saret Provinċja awtonoma f’Mejju 1892, bl-ewwel Pirjol Provinċjali jkun P. Luigi Malfatti. Din il-fażi bejn l-1819 u l-1892 tindika l-ewwel fażi ta’ tranżizzjoni li fiha bdew jinġabru d-dokumenti li jappartjenu mhux tant għal komunitajiet partikolari, jiġifieri dawk tal-Imdina jew tal-Belt Valletta li kienu l-uniċi żewġ kunventi li kellhom il-Karmelitani f’dan iż-żmien, imma tal-Vigarju Ġenerali nnifsu, bħal ngħidu aħna l-atti tal-laqgħat li kien imexxi, dettalji tan-novizzi u l-istudenti Karmelitani, kronoloġija ta’ attivitajiet, eċċ.
Minn dak iż-żmien sal-lum, l-Arkivju kiber u llum jiġbor fih żewġ sezzjonijiet: l-arkivju kurrenti u l-arkivju storiku. L-arkivju kurrenti jiġbor fih il-materjal kollu marbut malll-attivitajiet tal-Kurja Provinċjali matul dawn l-aħħar ħames snin, filwaqt li l-arkivju storiku jiġbor fih il-kumplament tal-materjal kollu li jmur lura sal-1819. Tajjeb ngħidu li l-materjal kollu ta’ qabel din id-data, mill-wasla tal-Karmelitani f’Malta fl-1418 sal-qtugħ uffiċċjali minn Sqallija fl-1819, huwa miżmum fl-arkivji tal-Imdina u tal-Belt Valletta. Dan l-aħħar l-Arkivju akkwista wkoll kopji ta’ dokumenti li kienu miżmumin fil-kunvent tagħna tal-Birgu meta dan kien taħt il-kura tagħna matul is-sekli 16 u 17.
Is-sezzjoni kurrenti flimkien mad-dokumenti kollha fis-sezzjoni storika ta’ dawn l-aħħar ħamsin sena m’humiex konsultabbli għall-pubbliku minħabba raġuni ta’ kunfidenzjalità. Iżda, għal min qed jagħmel xi riċerka, dawk id-dokumenti aktar antiki minn ħamsin sena fis-sezzjoni storika huma konsultabbli taħt ċerti kundizzjonijiet.
Biex tikkuntattja l-Arkivista Provinċjali, ikteb email fuq: arkivju@karmelitani.org jew inkella ibgħat ittra bil-posta lil:
Arkivista Provinċjali Kunvent tal-Karmelitani Triq Ċensu Tabone San Ġiljan STJ 1219
Tajjeb li qabel issir riċerka fl-Arkivju, wieħed jiffamiljarizza ruħu mal-Code of Conduct u l-Privacy Policy, li jistgħu jitniżżlu minn hawn taħt: