Anniversarju tat-twelid ta’ Santa Marija Maddalena de’ Pazzi

Matul is-sena 2016, l-Ordni Karmelitan qiegħed ifakkar l-450 sena mit-twelid ta’ Santa Marija Maddalena de’ Pazzi (1566-1607), magħrufa flimkien ma’ Santa Tereża ta’ Ġesù bħala l-qaddisa Serafika tal-Karmelu minħabba l-esperjenza místika tagħha ta’ ħeġġa għal Alla fl-imħabba għalih, għall-Knisja u s-salvazzjoni tal-bnedmin. Santa Marija Maddalena de’ Pazzi kellha nfluss qawwi mhux biss fil-Karmelu imma wkoll fl-iżvilupp tal-ħajja spiritwali nisranija. Fosthom kellha nfluss qawwi bit-tagħlim tagħha, miġbur f’ħames volumi manuskritti, fuq diversi Dutturi tal-Knisja fosthom San Alfons Marija de Liguori u San Franġisk de Sales. Fl-2007 il-Papa Benedittu għarafha bħala “għalliema spiritwali għal kulħadd, u b’mod speċjali għas-saċerdoti li lejhom dejjem kellha mħabba kbira”. Matul din is-sena se jsiru diversi attivitajiet madwar l-Ordni Karmelitan u pubblikazzjonijiet ta’ studju dwar id-duttrina tagħha. Il-Provinċja Karmelitana Maltija qed tfassal programm ta’ attivitajiet għal matul din is-sena ċentinarja li tiftaħ nhar it-2 ta’ April 2016, il-jum tat-twelid tagħha, u tagħlaq nhar il-25 ta’ Mejju 2017, jum il-festa liturġika.

Biex wieħed iżomm ruħu aġġornat dwar l-attivitajiet ta’ din is-sena, il-Provinċja Karmelitana Maltija waqqfet facebook page li fiha hemm ħsibijiet għal kull jum mil-kitbiet tal-qaddisa, sussidji għal talb u ċelebrazzjonijiet, informazzjoni dwar attivitajiet u bosta aħbarijiet oħra marbuta ma’ dan iċ-ċentinarju.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *