P. Edward Bugeja

Nekroloġija

Nhar it-Tnejn, 15 ta’ Frar 2016, fl-Isptar Mater Dei, PATRI EDWARD BUGEJA għadda għall-ħajja ta’ dejjem fl-għomor ta’ 92 sena. Il-Ġimgħa ta’ qabel, wara nofsinhar, tatu puplesija u ttieħed mill-ewwel l-isptar, fejn il-Provinċjal għamillu l-Griżma tal-Morda.

Edward Bugeja twieled Tal-Pietà fit-2 ta’ Frar 1924. Huwa trabba għal xi snin fil-Ħamrun u mbagħad f’Ħal-Lija. Wara li temm il-Liċeo, daħal fl-Università Rjali ta’ Malta, minn fejn iggradwa bħala prokuratur legali. Daħal fl-Ordni Karmelitan fil-kunvent tal-Imdina fl-1950, wara li kien għamel sitt snin jaħdem fil-Qorti bħala prokuratur legali.

P. Dward għamel il-professjoni sempliċi fil-knisja tagħna tal-Imdina, fuq l-altar tal-Madonna tal-Karmnu, fl-14 ta’ Ottubru 1951. Wara sentejn ta’ studji filosofiċi fil-Kulleġġ ta’ San Ċirillu, fil-Kunvent ta’ San Ġiljan, huwa ntbagħat fil-Kulleġġ Internazzjonali ta’ San Albert f’Ruma, fejn għamel il-kors tat-Teoloġija u kiseb il-Lettorat tal-Ordni. F’Ruma għamel il-professjoni solenni nhar il-15 ta’ Ottubru 1954. Hemmhekk ukoll irċieva l-ordnijiet minuri u d-djakonat u mbagħad, fl-1 ta’ Lulju 1956, ġie ordnat presbiteru fil-Bażilika tat-Tnax-l Appostlu. Kemm dam Ruma P. Dward kiseb ukoll diploma fil-Bibljotekonomija mill-Bibljoteka Vatikana.

Lura Malta, P. Dward intbagħat fil-Kunvent ta’ San Ġiljan, fejn għal diversi snin għallem l-Ingliż, l-Istorja tal-Knisja u l-Patroloġija lill-Istudenti tal-Provinċja. Għal sitt snin kien prokuratur tal-kunvent u għal żmien qasir kien ukoll surmast tal-Istudenti. Matul dak iż-żmien għamel xi snin iqarar fil-parroċċi tal-Qrendi, Ħal-Kirkop, u l-Gżira.

Minn San Ġiljan P. Dward intbagħat fil-kunvent tal-Imdina, fejn għamel ħafna snin. Hawnhekk kien prokuratur tal-kunvent għal disa’ snin u kien jiddedika ħafna ħin għall-qrar. Tul iż-żmien li dam l-Imdina, huwa għamel snin twal jieħu ħsieb b’dedikazzjoni kbira lil ommu u lil ħuh.

P. Dward kien bniedem riservat ħafna u għex ħajja sempliċi għall-aħħar. Huwa kien jiddeletta jikteb xi poeżija fuq suġġetti reliġjużi, li diversi minnhom ġew stampati fir-rivista Vexillina tal-Leġjun ta’ Marija. Kien ukoll jikkoreġi l-ortografija Maltija fil-pubblikazzjonijiet tal-Provinċja.

Fl-2006, minħabba problemi ta’ saħħa, P. Dward kellu jiġi rikoverat f’Casa Leone, San Ġiljan, u ftit wara fid-Dar tal-Kleru, Birkirkara, fejn għex l-aħħar disa’ snin ta’ ħajtu, ikkurat b’dedikazzjoni kbira mis-sorijiet u l-istaff tad-dar.

Il-funeral tiegħu sar fil-knisja tagħna tal-Imdina nhar it-Tlieta 16 ta’ Frar. Il-katavru tiegħu nġieb mill-Isptar Mater Dei fil-11.30 a.m. u tqiegħed fl-oratorju tal-kunvent fejn xi nies ġew jagħtuh l-aħħar tislima. Il-Quddiesa præsente cadavere saret fis-2.00 p.m. u tmexxiet mill-Pirjol tal-Imdina P. Charlò Camilleri, li għamel ukoll l-omelija. Ikkonċelebraw miegħu l-Provinċjal P. Alexander Vella, l-Arċipriet tal-Imdina u Direttur tad-Dar tal-Kleru Mons. Anton Cassar, u numru sabiħ ta’ saċerdoti mill-Provinċja. Kienu preżenti wkoll żewġ frajiet tagħna li għamlu servizz. Il-barka tal-aħħar ingħatat mill-Provinċjal. Id-difna saret fl-oqbra tal-Provinċja fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata, fil-qabar 9A.

Isma’ hawn l-omelija ta’ P. Charlò Camilleri O.Carm., Pirjol tal-Komunità tal-Imdina

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *