Edizzjoni kritika tal-kitbiet tal-Ven. Ġwanni ta’ San Sansun

Fil-15 ta’ Diċembru 2023, fl-Università ta’ Rennes 2 (Franza), sar it-tieni workshop fuq il-kitbiet tal-Venerabbli Ġwanni ta’ San Sansun, awtur mistiku Karmelitan tas-seklu 17. Għal din il-laqgħa ħadu sehem: P. Charlò Camilleri, O.Carm., kuratur tal-Ordni Karmelitan għall-pubblikazzjoni tax-xogħlijiet kollha ta’ Ġwanni ta’ San Sansun, flimkien mal-professuri François Trémolières, Martin de la Croix, Audrey Duru, Clément Duyck u Guillaume Peureux, li ltaqgħu biex jiddiskutu u jaħdmu fuq il-poeżiji, is-sunetti u l-kantiċi tal-Venerabbli.

Il-membri ta’ din il-kummissjoni huma ġejjin: mill-Université Picardie Jules Verne, mill-Université Catholique de Louvain, mill-Université Paris-Nanterre, mill-Université de Rennes 2 u mill-Università ta’ Malta, u huma esperti fil-mistika, fit-teoloġija spiritwali, fil-letteratura Franċiża u fil-poeżija tas-seklu 17. Flimkien qed jaħdmu fuq id-disa’ volum tal-opra sħiħa ta’ Ġwanni ta’ San Sansun taħt id-direzzjoni ta’ P. Martin de la Croix, O.Carm. Sadattant, Dr Giovanna Brizi, il-Postulatur Ġenerali tal-Ordni Karmelitan għall-Kawżi tal-Qaddisin, qed taħdem fuq il-ħdax-il volum, li jiġbor fih dokumenti storiċi u aġjografiċi li għandhom x’jaqsmu mal-kawża ta’ Ġwanni ta’ San Sansun.

Il-laqa’ li jmiss ta’ dawn l-istudjużi għandha ssir f’Mejju 2024 fiċ-Centre d’Études d’Histoire de la Spiritualé (CEHS) f’Nantes, Franza.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *