50 Sena mill-konsagrazzjoni tal-kappella f’Ta’ Kerċem

Is-sorijiet Karmelitani waslu fir-Rabat t’Għawdex fl-1957. It-tieni kunvent li fetħu f’Ta’ Kerċem kien inawgurat fl-1964, fi żmien is-superjura Sor Domitilla Cassar. Billi kienu għadhom fil-bidu, is-sorijiet kienu jużaw bħala kappella waħda mill-kmamar tal-kunvent.

Fl-1967, meta t-tmexxija tas-sorijiet għaddiet f’idejn Sor Letizia Voltattorni, Taljana, is-sorijiet bdew jaħsbu sabiex il-kunvent ikollu kappella aktar adattata. Saret pjanta mill-Perit Joseph Dimech mill-Belt Victoria u minnufih beda t-tqattigħ tal-blat fejn kellha tinbena l-iskola u l-kappella. Il-bini tal-kappella tlesta fl-1973, is-sena li fiha l-Karmelitani kienu qegħdin ifakkru l-ewwel ċentinarju mit-twelid ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù. Għal din ir-raġuni u wkoll minħabba li l-qaddisa hija l-Patruna tal-Kongregazzjoni, is-sorijiet għażlu li jiddedikaw il-kappella ġdida tagħhom lil Santa Tereża tal-Bambin Ġesù. B’dan il-mod, il-kappella tas-sorijiet Karmelitani saret l-ewwel knisja f’Għawdex iddedikata lill-Qaddisa tal-Ward. L-Isqof Nikol Cauchi kkonsagra l-kappella nhar is-16 ta’ Diċembru 1973, u seba’ snin wara ħatar uffiċjalment lil Dun Karm Borg bħala l-Kappillan tas-sorijiet Karmelitani f’Ta’ Kerċem, fejn kien qabel u għadu sal-lum jaqdi l-ħtiġijiet spiritwali tal-komunità u tal-iskola.

Nistgħu ngħidu li l-isbaħ okkażjoni li seħħet f’din il-kappella matul il-50 sena kienet meta fit-30 ta’ Lulju 2003 laqgħet fiha l-urna bir-relikwi ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù, waqt żjara ta’ ftit jiem f’Għawdex. (Ir-ritratt juri lill-Kardinal Mario Grech fil-kappella flimkien mas-sorijiet Karmelitani li mingħandhom ħa l-ewwel edukazzjoni tiegħu fl-Iskola Santa Tereża.)

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *