“Għall-funeral jiġu biss dawk li huma ferħanin”

Is-Sibt filgħodu, 15 ta’ Lulju 2023, tħabbret il-mewt taż-żagħżugħ Karmelitan Fra Pablo Alonso Hidalgo. Huwa miet fil-kunvent ta’ San Andrés f’Salamanca, Spanja, fl-età ta’ 21 sena. Fra Pablo kien ilu jsofri minn kanċer għal dawn l-aħħar sitt snin u ma kien hemm l-ebda tama, la li jfieq u lanqas li jgħix. Għal din ir-raġuni, wara li Pablo wera x-xewqa tiegħu li jħaddan l-Ordni Karmelitan u jingħata kollu kemm hu lil Alla u lil Marija, huwa ngħata permess speċjali biex fis-sitwazzjoni tiegħu jibda l-ħajja reliġjuża. Fil-25 ta’ Ġunju li għadda, Fra Pablo María de la Cruz temm in-novizzjat tiegħu u għamel il-professjoni tat-tliet voti (ubbidjenza, faqar u kastità) f’riġlejn il-Provinċjal P. Salvador Villota Herrero, O.Carm.

Wara l-professjoni tiegħu, Fra Pablo stqarr: “Dak li irrid nikkomunika huwa kemm hi ħaġa sabiħa l-mewt fi Kristu, li mhix tal-biża’, mhix xi illużjoni u lanqas xi tabù.” Minkejja l-mard u t-tbatija li kien għaddej minnhom, huwa kellu xewqa kbira li l-laqgħa tiegħu mal-Missier tfittex isseħħ kemm jista’ jkun malajr. Waqt li baqa’ juri sens kbir ta’ umoriżmu sa tmiem ħajtu, Fra Pablo ħalla xi istruzzjonijiet għall-funeral tiegħu:

– “Tilbsux l-iswed għax jagħmel ħafna sħana!”

– “Fid-daħla tal-knisja qiegħdu skanner biex jiċċekkja wiċċ kulmin jidħol, u jibqgħu għaddejjin biss dawk li huma ferħanin.”

– “Min jista’, fiċ-ċimiterju jġib miegħu vażuni bil-fjuri, biex jibdel id-difna tiegħi f’Karmelu – Ġnien il-Mulej.”

Il-funeral ta’ Fra Pablo sar it-Tnejn, 17 ta’ Lulju, l-għada tal-Festa Solenni tal-Madonna tal-Karmnu, fl-10.00am. Fil-bidu tal-quddiesa s-saċerdot fakkar lill-ġemgħa dak li kien jgħid Fra Pablo: “li l-ħajja hija Ħajja jekk tiġi ċċelebrata” u għalhekk “xtaq li l-funeral tiegħu, u l-laqgħa tiegħu ma’ Alla l-Missier, tkun festa għall-ikla tat-Tieġ tal-Ħaruf.”

Ritratt: Fra Pablo María de la Cruz flimkien mal-ġenituri tiegħu dak inhar tal-professjoni.

Għal aktar tagħrif ara:

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *