Għeluq iċ-Ċentinarju ta’ S. Tereża ta’ Ġesù

Fl-okkażjoni tal-għeluq taċ-Ċentinarju ta’ S. Tereża, nhar l-Erbgħa 14 t’Ottubru 2015 il-komunitajiet Karmelitani ċċelebraw fil-knejjes tagħhom Quddiesa Solenni li fiha raddu ħajr ’l Alla għal din il-Qaddisa, Verġni Karmelitana, u Duttura tal-Knisja Universali. Fis-Santwarju-Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu, il-Belt Valletta, simbolikament intfiet il-fjamma li kienet ilha mixgħula tul din is-sena kollha taċ-Ċetinarju. Fil-Karmnu tal-Imdina saret ukoll Adorazzjoni Ewkaristika b’qari ta’ xi siltiet mill-kitbiet tal-Qaddisa.

Fil-jum tal-Festa, il-15 t’Ottubru, il-Provinċja Karmelitana Maltija kienet mistiedna għand l-aħwa Karmelitani Skalzi f’Bormla għall-pranzu tal-festa f’nofsinhar kif ukoll għall-Konċelebrazzjoni Solenni filgħaxija li qaddes l-E.T. Mons Arċisqof flimkien mal-Provinċjali P. Alexander Vella O.Carm. u P. Emmanuel Schembri O.C.D.

Il-Provinċja Karmelitana Maltija ħadet sehem ukoll fil-purċissjoni li saret nhar il-Ħadd 18 t’Ottubru fl-istess knisja ta’ Bormla, l-ewwel waħda fid-dinja ddedikata lill-Qaddisa minn wara l-Kanonizzazzjoni.

Fl-aħħarnett, nhar il-Ġimgħa 30 t’Ottubru 2015, il-Komunità tal-Imdina se tilqa’ il-kumpanija teatrali The Drama Centre li se ttella’ dramm bl-isem Il-Kastell Interjuri b’kitba tal-poeta Mario Azzopardi. F’dan id-dramm, Azzopardi jsib l-ispirazzjoni mit-trattat mistiku tal-Qaddisa dwar il-ħajja tat-talb fejn in-namrata ta’ Alla tgħaddi minn għamara għal oħra fil-kastell ġewwieni tagħha nnifisha sakemm tasal li ssib fil-qalba ta’ ruħha ’l-Għarus Divin fit-temma taż-żwieġ mistiku. Din l-interpretazzjoni lettararja tal-Kastell Interjuri hija mżewwqa wkoll b’kant liturġiku u reliġjuż u bi djalogi bejn ir-ruħ u t-tfajliet li jakkumpanjawha f’dan il-vjaġġ ġewwieni.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *