B’ittra li bagħat lill-Ordni kollu fil-21 ta’ Diċembru li għadda, il-Pirjol Ġenerali P. Fernando Millán Romeral nieda l-erba’ mija u ħamsin anniversarju mit-twelid ta’ Santa Marija Maddalena de’ Pazzi. Din is-sena anniversarja fetħet fit-2 ta’ April li għadda, jum it-twelid tal-qaddisa 450 sena ilu (1566), u tagħlaq fil-25 ta’ Mejju 2017, jum il-festa tagħha. Il-Pirjol Ġenerali insista li dan l-anniversarju, bħal kull anniversarju li niċċelebraw, m’għandux ikun sempliċiment mument li jfakkarna fi ġrajjiet imgħoddija tal-istorja tagħna, imma għandu jservi biex il-figuri kbar li ġew qabilna jnebbħuna “ħalli ngħixu b’ħeġġa dejjem ġdida t-tħabbir tal-Evanġelju skont il-vokazzjoni tagħna Karmelitana.” Hawn Malta, l-anniversarju ftaħnieh flimkien bħala Provinċja nhar is-Sibt 2 t’April 2016. Waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-ftuħ tqassam musbieħ lil kull komunità biex dakinhar stess filgħaxija, waqt ċelebrazzjoni qasira, inxtegħel fil-knejjes tagħna madwar Malta quddiem xbieha ta’ Santa Marija Maddalena de’ Pazzi u li se jibqa’ jixgħel is-sena kollha tal-anniversarju.
Ħajja u Attwalità
Santa Marija Maddalena de’ Pazzi dejjem kienet meqjusa bħala waħda mill-ikbar qaddisin tal-Ordni. Fil-fatt hija tlaħħam b’mod tassew qawwi l-kariżma tagħna u tilma bħala eżempju ċar ta’ integrazzjoni tad-diversi elementi tal-kariżma u l-ispiritwalità Karmelitana.
Mogħnija b’karattru u temperament li ġibduha bl-iktar mod naturali għall-ħajja kontemplattiva sa minn ċkunitha, hija għexet b’instensità mill-ikbar il-vokazzjoni kontemplattiva tal-Karmelu. Maħtufa għal kollox mill-imħabba ta’ Kristu li daħħalha fil-qalba tal-misteru tat-Trinità Qaddisa, hija ntelqet għal kollox għall-ħidma moħbija tal-Ispirtu s-Santu f’ruħha. Alla mhux biss żejjinha bi grazzji mistiċi kbar, imma għaddiha wkoll minn deżerti waħxija u ljieli kollha dlam, li hi ssejħilhom “il-fossa tal-iljuni” (b’allużjoni għall-istorja biblika ta’ Danjel). Hekk saret dejjem iktar tixbah lil Kristu, il-Verb li għall-imħabba tagħna sar bniedem u baqa’ jixxejjen sal-mewt tas-salib biex jifdina b’Demmu. Hija ġarrbet it-trasformazzjoni tagħha fi Kristu fl-esperjenza mistika tat-tpartit tal-qalb miegħu.
Marija Maddalena għexet din il-ħajja intensament kontemplattiva f’għaqda intima mal-Verġni Marija, hekk li hija tispikka bħala waħda mill-iktar qaddisin marjani tal-Karmelu. Għexitha wkoll f’komunjoni intensa ma’ ħafna qaddisin kbar li ħadithom bħala muddelli u għalliema. F’kontinwità kbira mat-tradizzjoni tal-Ordni, li taf il-bidu u l-għajn tagħha fir-Regola, Marija Maddalena kienet tmantni l-ħajja spiritwali tagħha bl-Iskrittura Mqaddsa, mismugħa u kkontemplata fil-Liturġja.
Din il-ħajja kontemplattiva daqshekk intensa ma qatgħethiex mill-oħrajn, anzi għamiltha attenta ħafna għall-ħtiġijiet ta’ ħutha fil-komunità, li dejjem fittxet li taqdihom b’imħabba u umiltà. Mhux biss. Wessgħetilha l-viżjoni tagħha biex tħaddan lill-Knisja kollha u lid-dinja. Bħal Santa Tereża qabilha, u bħal Santa Tereża tal-Bambin Ġesù warajha, Santa Marija Maddalena de’ Pazzi għexet il-ħajja kontemplattiva tagħha fil-Knisja, mal-Knisja u għall-Knisja. Il-ħerqa tagħha għat-tiġdid tal-Knisja u s-salvazzjoni tal-bnedmin toħroġ qawwija minn kull paġna tal-kitbiet tagħha u wasslitha biex tikteb ittri mqanqla lill-Papa, Kardinali, isqfijiet, saċerdoti, reliġjużi, u lajċi influenti fis-soċjetà. Kif jgħid il-prefazju tal-festa tagħha, hija mtliet “bil-ħeġġa għall-qdusija tal-Knisja. Lilha ħabbet b’qalbha kollha, u waqt li talbet bla heda, offriet lilha nfisha biex il-Knisja tkun tixbah dejjem aktar lil Kristu, l-Għarus tagħha.”
Fl-ittra tiegħu li biha nieda dan l-anniversarju, il-Pirjol Ġenerali lmenta li Santa Marija Maddalena de’ Pazzi mhix magħrufa wisq, u “għalhekk l-iskop ta’ dan l-erba’ mija u ħamsin anniversarju huwa li napprofondixxu l-għarfien ta’ din oħtna, insibu fiha tnebbiħ għal ħajjitna, u nxerrdu dan kollu mhux biss fil-Famiilja tagħna, imma wkoll fil-komunitajiet ekklesjali fejn ngħixu.”
F’dan iż-żmien ikkaratteriżżat mill-ħerqa u l-ħidma tal-Papa Franġisku għat-tiġdid tal-Knisja, Marija Maddalena hi qaddisa ta’ attwalità kbira. Jekk żminijiet oħra enfasiżżaw b’mod eżaġerat l-estasijiet tagħha, għax dik kienet l-iktar ħaġa li tolqot lin-nies fl-esperjenza tal-qaddisin, illum għandna nenfasiżżaw aspetti oħra tal-ħajja u d-duttrina tagħha li huma eqreb lejn is-sensiblità spiritwali, teoloġika, u ekkleżjali tagħna, bħalma huma dimensjoni Trinitarja qawwija ħafna, l-idea ta’ Alla li min-natura tiegħu hu komunikattiv, iċ-ċentralità ta’ Kristu, l-importanza tal-ħidma tal-Ispirtu s-Santu fil-ħajja tal-Knisja u fil-ħajja spiritwali, il-post ta’ Marija, l-importanza tal-Kelma ta’ Alla u tal-Liturġija fil-ħajja spiritwali, id-dimensjoni komunitarja, u l-ħerqa għat-tiġdid tal-Knisja li ġa semmejna.
Attivitajiet
Biex inwieġbu għall-appell tal-Pijrol Ġenerali u niċċelebraw dan l-anniversarju kif jixraq, il-Kunsill Provinċjali ħoloq Kommissjoni biex tfassal programm ta’ attivitajiet.
- Sa mit-30 ta’ Jannar li għadda, P. Charlò fetaħ paġna fuq Facebook fejn, minbarra avvizi dwar dan l-anniversarju, qiegħed iġib kuljum ħsieb mill-kitbiet tal-Qaddisa li b’xi mod ikollu x’jaqsam mal-qari tal-Quddiesa tal-ġurnata. Din il-paġna qegħda tiġi segwita ħafna.
- Nhar il-Ħamis 17 ta’ Marzu P. Charlò ta konferenza fis-Sala Madonna tal-Karmnu tat-Tereżjani, Birkirkara, bit-titlu “Ismu huwa Ħniena. Id-duttrina tal-ħniena f’S. Marija Maddalena de’ Pazzi.” Din tista’ tismagħha hawn.
- P. Martin Schembri qiegħed jorganizza pellegrinaġġ għall-monasteru fejn jinsab il-ġisem inkorott ta’ S. M. Maddalena u postijiet oħra marbutin magħha ġo Firenze. Fl-istess ħin, billi qegħdin fil-Ġublew tal-Ħniena, il-pellegrinaġġ – li se jkun mit-30 ta’ Mejju sat-3 ta’ Ġunju 2016 – jinkludi wkoll tlitt ijiem f’Ruma. Tqassmu d-dettalji lill-komunitajiet biex issir propaganda man-nies. Min ikun interessat għandu jikkuntattja direttament lil P. Martin Schembri.
- Tqassmu posters lill-komunitajiet u ġiet offruta l-possibiltà lil min irid biex jordna pop-up bħalma konna għamilna għaċ-ċentinajru ta’ Santa Tereża. Qegħdin jiġu stampati wkoll santi b’tikfira tal-anniversarju b’talba ta’ S. M. Maddalena li hi adattata ħafna għal din is-Sena tal-Ħniena. Qiegħed jiġi stampat ukoll ktejjeb b’xi talb mislut mill-kitbiet tal-Qaddisa. Hemm il-ħsieb li tul is-sena jiġu ppubblikati oħrajn skont l-istaġun liturġiku, p. eż. novena lill-Ispirtu s-Santu bi tħejjija għal Għid il-Ħamsin u ktejjeb b’testi ta’ S. M. Maddalena fuq il-Madonna biex jintuża bi preparazzjoni għall-festa tal-Madonna tal-Karmnu. P. Charlò Camilleri qiegħed iħejji wkoll ħajja qasira tal-Qaddisa. Ta’ min jgħid li l-ewwel ħajja tagħha bil-Malti kien ħariġha P. Anastajsu Cuschieri fl-1907, għar-raba’ ċentinarju ta’ mewtha.
- Matul is-sena se jitqassmu xi sussidji biex jintużaw fil-komunitajiet u l-knejjes tagħna. Dawn jinkludu xi lezzjonijiet alternattivi għall-Uffiċċju tal-Qari meħudin mill-kitbiet ta’ S. M. Maddalena, adorazzjoni biex tintuża qrib il-festa tagħha, via crucis u xi għajnuniet biex il-komunitajijet ikunu jistgħu jiċċelebraw b’mod sinifikattiv il-festa tagħha (25 ta’ Mejju) kemm din is-sena u kemm is-sena d-dieħla.
- Se jiġu organiżżati tlitt irtiri ta’ nofs ta’ nhar jew ġurnata, imqassmin tul is-sena, wieħed għas-saċerdoti, li kienu ħafna għal qalb S. M. Maddalena, wieħed għar-reliġjużi, u wieħed miftuħ għal kulħadd. P. Louis Bajada qiegħed iħejji feature biex ikun jista’ jintuża fuq radjijiet u meżżi oħra, filwaqt li P. Damjan Cachia għandu jieħu ħsieb jinkludi xi programm fuq il-Qaddisa fil-programmi li jagħmel fuq Radju Marija.
- Fuq “Il-Karmelu” ġa deher artiklu fuq S. M. Maddalena u l-editur, P. Anthony Cilia, għandu programmat li jkun hemm artiklu fuqha f’kull ħarġa matul din is-sena anniversarja.
- Fil-kunvent tal-Imdina, f’Mejju 2017, se tittella’ wirja artistika fuq S. M. Maddalena. Grupp ta’ artisti lokali ġa bdew jaħdmu fuqha. Hemm il-possibiltà li tittella’ wkoll rappreżentazzjoni drammatika.
- Santa M. Maddalena hi l-patruna tat-Terz Ordni. Id-Delegat Provinċjali għat-Terz Ordni, P. Alex Scerri, ġa ħaseb, flimkien mal-Kunsill tiegħu, biex l-irtir nazzjonali annwali tat-Terz Ordni jkun fuqha u xi ħaġa dwarha tiġi nkluża wkoll fil-Kungress.
- Fl-Ordni kollu l-anniversarju fetaħ fit-2 ta’ April, li huwa l-jum proprju tat-twelid tal-Qaddisa 450 sena ilu. Dakinhar, b’inizjattiva ta’ P. Charlò Camilleri, il-Posta ta’ Malta ħarġet timbru postali li jfakkar l-anniversarju. Min hu nteressat jakkwista kopja – li qegħda tinbiegħ għall-prezz ta’ €5 – għandu jikkuntattja lil P. Charlò Camilleri.
L-anniversarju, jekk Alla jrid, nagħlquh ukoll flimkien bħala Provinċja b’Quddiesa Solenni fis-Santwarju Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu, il-Belt Valletta, nhar il-Ħamis 25 ta’ Mejju 2017, jum il-festa tal-Qaddisa.
J’alla dan l-anniversarju jservi mhux biss biex insiru nafu aħjar lil S. M. Maddalena u t-tagħlim tagħha u nwassluh lill-oħrajn, imma wkoll biex bit-talb u l-eżempju tagħha nfittxu li niġġeddu l-ħin kollu u nagħtu sehemna fit-tiġdid tal-Knisja.
Iconographer Benedetta Tenore is also writing icons of Maddalena de’ Pazzi. More can be found at www.maddalenadepazzi.jimdo.com