Tul is-sena li waslet fi tmiemha, il-Karmelitani ta’ Bamberg, fil-Ġermanja, fakkru s-750 anniversarju mill-preżenza tagħhom f’din il-belt. Iċ-ċelebrazzjonijiet fetħu fit-2 ta’ Frar 2023, f’Jum il-Ħajja Kkonsagrata, b’laqgħa għar-reliġjużi kollha tad-djoċesi.
Imbagħad, matul is-sena, kienu organizzati diversi attivitajiet oħra fuq skala parrokkjali, fost l-oħrajn: matul il-Ħdud tar-Randan, kienu ppreżentati diversi qaddisin Karmelitani; f’Mejju saru diversi żjarat spiritwali lill-knisja u lill-kunvent; fis-16 ta’ Lulju, festa solenni tal-Madonna tal-Karmnu, l-Isqof ta’ Bamberg iċċelebra l-quddiesa flimkien mal-komunità parrokkjali; mit-3 ta’ Novembru 2023 sal-31 ta’ Jannar 2024 qed issir wirja fil-mużew djoċesan; fil-5 ta’ Novembru sar kunċert ta’ mużika barokka ta’ mużiċisti Karmelitani Olandiżi, fosthom P. Benedictus Buns u P. Justinus Will, kif ukoll biċċiet mill-Għasar Karmelitan ta’ Handel. L-aħħar attività għal dan l-anniversarju seħħet fit-12 ta’ Novembru meta r-reliġjużi Karmelitani tal-provinċja Ġermaniża nġabru lkoll flimkien biex jiċċelebraw il-festa ta’ San Teodoru, li huwa l-patrun tal-knisja Karmelitana f’Bamberg.