Messaġġ tal-Milied lill-Membri tal-Familja Karmelitana

Għeżież ħuti,

Din is-sena qed nersqu lejn il-Milied wara li għamilna bil-ħerqa kollha t-talba tal-Avvent tagħna, li l-Mulej jiġi u jsalvana.

Waqt żjara riċenti lil ħutna fl-Ukrajna, kont imqanqal ħafna bit-talb tan-nies biex tintemm il- gwerra minn pajjiżhom. Nirringrazzjaw ′l Alla, kemm il-komunità tal-patrijiet tagħna li tinsab f’Włodzimierz kif ukoll l-oħra ta’ Sąsiadowice mhumiex fil-periklu dirett minħabba l-gwerra, li qed isseħħ fil-Lvant tal-pajjiż. Madankollu, jidher ċar li għandhom rwol importanti fl-għajnuna u fit-talb man-nies tal-inħawi tagħhom, li ħafna minnhom tilfu xi qraba fid-difiża ta’ art twelidhom filwaqt li oħrajn jitolbu biex qrabathom li għadhom involuti fil-gwerra jerġgħu lura d-dar qawwijin u sħaħ.

Quddiem is-sitwazzjoni attwali, wieħed jista’ jistaqsi: Imma l-għaliex qiegħed jiġri dan kollu? Għaliex qed naraw dil-vjolenza kollha kontra rġiel, nisa u tfal fl-Ukrajna, fil-Palestina, f’Iżrael u f’ħafna postijiet oħra li lanqas biss nisimgħu bihom? Nistgħu aħna li nemmnu fl-Inkarnazzjoni ta’ Kristu Sidna, u nħabbru bħala l-Prinċep tal-Paċi, nagħmlu xi ħaġa aktar milli qed nagħmlu biex jintemmu l-gwerer u nbiddlu l-imħuħ u l-qlub ta’ dawk li jippromwovu l-gwerra u l-vjolenza? Hemm xi possibbiltà li xi darba noħolmu jew naraw jisbaħ dak il-jum meta nistgħu nittrattaw lil xulxin bħala aħwa u ngħixu fil-paċi ma’ xulxin fid-dinja kollha?

Bħalissa qed jiġuni f’moħħna l-kliem tal-Kantiku li spiss ngħidu fil-Liturġija tas-Sigħat:

Il-Mulej jagħmel il-ħaqq bejn il-ġnus,

u jaqta’ s-sentenza bejn ħafna popli;

u huma jibdlu x-xwabel tagħhom f’sikek tal-moħriet,

u l-lanez tagħhom fi mnieġel.

Ebda ġens ma jerfa’ x-xabla kontra ġens ieħor,

u s-sengħa tal-gwerra ma jitgħallmuhiex iżjed.

Ejja, dar Ġakobb,

ħalli nimxu fid-dawl tal-Mulej! (Iż 2,4-5)

Nirringrazzja ′l Alla tas-sigurtà li fiha ħafna minna se niċċelebraw dan il-Milied, u nitlob flimkien magħkom ilkoll biex l-istess sigurtà tasal lil dawk il-miljuni ta’ nies li diġà kellhom iħallu djarhom, u lil dawk il-ħafna nies li qed jgħixu bit-theddida kontinwa tal-gwerra.

Jalla d-dawl t’Alla, li jiddi f’wiċċ Ġesù, u li gawdew Marija, Ġużeppi u r-rgħajja, jimla lil qalbkom u lil djarkom f’dan il-Milied, u jalla dan l-istess dawl jasal f’dawk il-postijiet mudlama fejn qed tinħema l-gwerra, sabiex l-imħuħ u l-qlub ikunu jistgħu jinbidlu, u l-paċi tkun tista’ ssir id-destin ta’ dawk il-bnedmin kollha li l-Mulej iħobb.

Jalla lkoll kemm intom ikollkom Milied ta’ ferħ u ta’ mħabba fi djarkom u f’qalbkom.

P. Míċeál O’Neill, O.Carm.

Pirjol Ġenerali

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *