Ftit tal-ġimgħat ilu kienu ppubblikati bil-Malti l-aħħar Kostituzzjonijiet tal-Ordni Karmelitan li kienu approvati fil-Kapitlu Ġenerali 2019 u ppubblikati fl-2021. Il-Kostituzzjonijiet huma l-kodiċi fundamentali tal-liġi proprja ta’ istitut reliġjuż. L-għan tagħhom huwa li jirregolaw kemm il-ħajja tal-istitut inġenerali kif ukoll il-ħajja ta’ kull individwu li jifforma parti minnu, skont ir-regola, il-kariżma, l-ispiritwalità, it-tradizzjoni u x-xewqa tal-fundatur. Kull istitut reliġjuż iħejji l-Kostituzzjonijiet tiegħu u japprovahom waqt Kapitlu Ġenerali, li huwa l-għola awtorità tal-istitut.
It-test attwali tal-Kostituzzjonijiet joffri dak li tipproponi r-Regola Karmelitana fid-dawl tas-sitwazzjoni li qed ngħixu llum, kemm mill-att soċjali kif ukoll ekkleżjali. Il-kontenut tal-Kostituzzjonijiet huwa mibni fuq erbgħa taqsimiet.
● L-Ewwel Taqsima: Il-Kariżma u l-Missjoni tal-Karmelu u l-Karatteristiċi Fundamentali Tiegħu
● It-Tieni Taqsima: Il-Ħajja tal-Aħwa
● It-Tielet Taqsima: Il-Formazzjoni
● Ir-Raba’ Taqsima: It-Tmexxija
L-ewwel żewġ partijiet huma essenzjali biex wieħed jifhem l-identità tal-Ordni Karmelitan, il-missjoni tiegħu u l-ħajja fraterna ta’ bejn l-aħwa. It-tielet parti turi l-importanza tal-formazzjoni fil-ħajja ta’ kull reliġjuż u tax-xhieda li jeħtieġ jagħti sabiex bnedmin oħra jkunu lesti li jimxu wara l-Mulej fi ħdan il-Familja Karmelitana. L-aħħar parti tal-Kostituzzjonijiet titkellem dwar it-tmexxija tal-Ordni u turi l-identità tal-Ordni Karmelitan f’termini ta’ strutturi li huma meħtieġa sabiex isostnu fil-konkret il-ħajja tal-aħwa u tal-komunitajiet.
Meta wieħed jidħol fil-fond ta’ dawn il-Kostituzzjonijiet għandu jsib kemm il-vokazzjoni Karmelitana, mgħejxa b’imħabba u b’ħeġġa, hija tassew sabiħa! Min jixtieq jaqra t-test ta’ dawn il-Kostituzzjonijiet jista’ jidħol fuq din il-paġna, filwaqt li min jixtieq kopja stampata jista’ jikteb lil P. Anthony Cilia, O.Carm. (anthony.cilia@gmail.com)