Irrestawrat is-Salib ta’ Ambrogio Lorenzetti

Fil-bidu ta’ Ottubru 2023, wara tliet snin ta’ ħidma intensiva, fl-aħħar intemm ir-restawr tas-salib magħmul minn Ambrogio Lorenzetti (1290-1348) għall-knisja tal-Karmnu ta’ Siena, l-Italja. Ix-xogħol fuq din l-opra artistika beda fl-2020 mir-restawratriċi Muriel Vervat u seta’ jsir grazzi għall-kontribut ġeneruż tal-assoċjazzjonijiet “Friends of Florence” u ta’ “The Giorgi Family Foundation”. Issa, is-salib jinsab f’waħda mis-swali tal-Pinakoteka ta’ Siena fejn se jibqa’ għall-wiri b’mod prominenti sat-8 ta’ Jannar 2024, meta imbagħad jitqiegħed f’sala 7 flimkien ma’ xogħlijiet oħra tal-istess artist.

Is-salib, li sar bejn l-1328-1330 għall-kunvent ta’ San Niccolò al Carmine, fl-1862 kien dikjarat bħala wieħed minn ġabra ta’ xogħlijiet oriġinali li jiffurmaw parti mill-kollezzjoni tal-Belle Arti fil-Pinakoteka Nazzjonali ta’ Siena. Id-dokumentazzjoni eżistenti dwar l-istorja tal-kunvent tal-Karmelitani fil-belt ta’ Siena turi li fis-seklu 14 kienu saru xi xogħlijiet ta’ rinnovazzjoni fuq il-knisja, bil-ħolqien ta’ opri artistiċi ġodda, fost l-oħrajn bħall-polittiku l-kbir li tpitter minn Pietro, ħu Ambrogio Lorenzetti, li wkoll jinsab imħares f’sala 7 tal-Pinakoteka Nazzjonali tal-Arti. L-istil li bih huwa mpitter dan is-salib jikkonferma mhux biss id-data meta sar imma wkoll juri li huwa x-xogħol taż-żagħżugħ Ambrogio, meta kien għadu marbut mill-qrib mal-pittura ta’ Giotto.

Fi kliem Axel Hémery, id-direttur tal-Pinakoteka ta’ Siena, “biċċa xogħol ta’ importanza bħal din hija aktar unika milli rari. Kull restawr jgħidilna xi ħaġa ġdida dwar ix-xogħol tal-arti. Dak li kien sar fis-snin ħamsin, ma kienx ħalla lil din l-opra tesprimi l-qawwa tagħha. Imma dan ir-restawr, riżultat ta’ studju kollettiv, kien tweġiba f’waqta sabiex l-opra ta’ Ambrogio Lorenzetti takkwista mill-ġdid il-qawwa tagħha, grazzi għall-ħidma straordinarja ta’ restawratriċi bħalma hi Muriel Vervat.”

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *