Il-preżenza karmelitana fl-imdina

Fil-bidu – Fl-1659 il-Karmelitani li kienu jgħixu fl-inħawi tal-Lunzjata, fil-limiti tar-Rabat, talbu l-permess lill-Isqof Mikiel Balaguer Camarasa biex jingħataw il-pussess ta’ knisja żgħira magħrufa bħala “tar-Rocca” biex hemm jibnu kunvent u knisja ġdida. Fis-16 ta’ Ġunju tal-istess sena, il-komunità żgħira tal-Lunzjata – b’kollox seba’ patrijiet u fra – ttrasferixxiet ruħha għad-dar nru 3 fi Triq S. Pietru. Ma laħaqx għadda wisq żmien meta bdew jaħsbu biex jibnu knisja ddedikata għall-Annunzjata u kunvent li jkun adattat għall-istil ta’ ħajja Karmelitan. Din il-komunità ċkejkna xtaqet li titlaq mill-ambjent rurali biex tidħol tgħix fil-belt mhux biss minħabba raġunijiet ta’ saħħa u sigurtà, iżda wkoll għaliex xtaqu li jkunu iżjed viċin tan-nies li riedu jaqdu. Il-kunvent il-ġdid beda jinbena, fil-fatt, bl-istess ġebel tal-kunvent il-qadim tal-Lunzjata li l-patrijiet u l-bennejja ġarrew huma nfushom minħabba nuqqas ta’ riżorsi. Ġenerazzjoni wara oħra ta’ Karmelitani, residenti f’dan il-kunvent, komplew jiżviluppaw u jkabbru l-kunvent sa ma fis-seklu li għadda laħaq l-istat li fih insibuh illum il-ġurnata. Bejn l-2006 u l-2009 sarlu wkoll restawr estensiv biex terġa’ tinkixef il-ġawhra li hu l-kunvent.

Kif intuża – Matul kwazi 360 sena tal-preżenza tal-Karmelitani fl-Imdina, il-Karmnu tal-Imdina kien lok ta’ diversi realtajiet importanti għall-istorja ekkleżjali u ċivili.

P.eż. ħafna kienu dawk in-novizzi – sewwasew sal-1991 – li ffurmaw ruħhom hawnhekk għall-ħajja u l-ispiritwalità Karmelitana. Insemmu fost l-oħrajn lil P. Avertan Fenech, Karmelitan Mosti (+1943), li għal 22 sena sħaħ qeda l-uffiċċju ta’ Surmast tan-Novizzi, u b’ħafna diliġenza u għerf introduċa lin-novizzi għall-kariżma Karmelitana.

Avveniment ieħor importanti hu l-fatt li mis-sena 1693, wara terremot kbir li kien laqgħat in-naħat tal-gżejjer Maltin, il-knisja tal-Karmnu bdiet tintuża bħala l-knisja katidrali tal-Imdina minħabba li l-Katidral soffra ħsarat estensivi u kien qed jinbena wieħed ġdid. Din l-affari baqgħet sejra sas-sena 1702 meta imbagħad, b’apprezzament għall-ospitalità li wrew il-patrijiet mal-Kapitlu, ingħataw il-Kurċifiss li sal-lum għadna nsibuh fil-kappella tar-Rocca. Matul dan iż-żmien, sewwasew fl-10 ta’ Frar 1697, sar fil-knisja tal-Karmnu l-Pussess u l-ewwel Ingress tal-Gran Mastru Fra Raimondo Perellos.

Għall-ħabta tas-sena 1791, il-Karmnu tal-Imdina jidher li kien ukoll is-Sede tal-Kulleġġ Missjunarju tal-Ordni Karmelitan għall-artijiet tal-Lvant. Il-ħsieb kien, minħabba l-viċinanza tal-lingwa Maltija għall-Għarbi li jkunu ppreparati numru ta’ missjunarji, mgħallma tajjeb u rikonoxxuti mill-istess Inkwiżizzjoni ta’ Malta, li jkunu għad-dispożizzjoni tas-Santa Sede għal dak li għandu x’jaqsam ma’ ħidma fost l-ilsiera Nsara (Maltin u m’humiex) fl-artijiet tal-Lvant, skont kif kienet ix-xewqa tal-Papa Klement XI. L-ittra tal-Pirjol lill-Kongregazzjoni tal-Propoganda Fidei tgħid hekk, “peress li hemm ħafna lsiera Maltin li jinsabu fil-Barberija, dawn ikunu jistgħu jiġu mgħejunin spiritwalment minn saċerdoti tal-istess pajjiz tagħhom.”

Fis-sena 1798, Malta letteralment ġiet mgħoddija f’idejn il-Franċiżi. Friski kif kienu mill-ideali tar-Rivoluzzjoni Franċiża, Napuljun introduċa liġijiet li permezz tagħhom urta mhux ftit lil dawk il-ħafna Maltin li kellhom għal qalbhom il-fidi Nisranija. Ordna li kull Ordni Reliġjuż m’għandux ikollu iżjed minn kunvent u knisja waħda miftuiħin għan-nies, il-bqija kellhom jingħalqu. Il-patrijiet Karmelitani f’dik is-sena, apparti l-Karmnu tal-Imdina, kellhom ukoll kunvent fil-Belt Valletta. Allura huma għalqu tal-Imdina biex iżommu dak tal-kapitali. Fl-istess waqt, għalkemm il-kunvent kien vojt, il-Pirjol baqa’ jħallas il-ġennien biex jibqa’ jieħu ħsieb il-kjostru tal-kunvent u jitma’ ‘l-qtates. Ir-rivoluzzjoni tat-2 ta’ Settembru 1798 kontra l-Gvern Franċiż bdiet sewwasew mill-Knisja tal-Karmnu tal-Imdina. L-istess qanpiena li sejħet lin-nies dakinhar kienet għadha sa ftit snin ilu fl-istess kampnar li minnu ndaqqet. Illum il-ġurnata din insibuha miżmuma fil-kuritur t’isfel tal-kunvent.

Fi żmien it-Tieni Gwerra Dinija, il-kunvent kien magħżul biex ikun wieħed mis-sede tas-Servizz Ċivili, u wkoll offra kenn fix-xelter mhux biss għal dawk li kienu jgħixu fl-inħawi tal-kunvent, iżda wkoll nies li telgħu min-naħat tal-port lejn ir-Rabat u l-Imdina li kien meqjusin xi ftit inqas perikolużi. Ix-xelter ma kienx biss post ta’ kenn. Fil-ġranet l-aktar kefrin tal-gwerra l-istudenti Karmelitani kienu saħansitra jinżlu jagħmlu l-lezzjonijiet tal-filosofija hemmhekk.

Illum – Il-Karmnu tal-Imdina llum, b’dak kollu li jsir fih, ifittex li jkun sinteżi bejn il-qadim u l-ġdid, bejn dak li writna minn missirijietna u li dan ngħadduh f’forom u lingwaġġi ġodda, aktar attwali għal żminijietna. Inħossu li dak li jiddefinixxi l-Karmnu huwa l-ospitalità, il-ftuħ għas-sinjali ta’ Alla, u l-formazzjoni għall-ħajja spiritwali.

P. Glen Attard O.Carm.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *