Kungress ta’ Żgħażagħ Karmelitani Ewropej fl-Italja ta’ Fuq

«Awakening Project» L-esperjenza taghna f’ San Felice del Benaco

 F’Awwissu li għadda, bejn it-18 u t-23, ġewwa d-Dar tal-Irtiri f’San Felice del Benaco fl-Italja ta’ fuq, numru ta’ żgħażagħ Karmelitani mill-Ewropa qattgħu ġimgħa b’differenza flimkien biex jibdew jaħdmu fuq l-Awakening Project.

Bħala rappreżentanti tal-ħidma maż-żgħażagħ Karmelitani li qed issir hawn Malta, aħna konna magħżulin biex nipparteċipaw f’dan il-proġett. Magħna kien hemm rappreżentanti ta’ żgħażagħ Karmelitani oħra mill-Polonja, l-Italja u r-Rumanija, flimkien ma’ xi membri mill-Kummissjoni Ġenerali li qegħda tmexxi dan il-proġett, fosthom P. John Keating O.Carm, P. Luca Sciarelli O.Carm., u P. Dave Twohig O. Carm.

Nistgħu ngħidu li l-għanijiet prinċipali ta’ din l-esperjenza kienu tnejn: li l-parteċipanti jifhmu aktar u jsiru aktar konxji tal-ispiritwalità Karmelitana, kif ukoll biex jaqsmu flimkien l-esperjenzi ta’ ħidma maż-żgħażagħ li ssir f’pajjiżhom waqt li jirriflettu u jiddiskutu x’jista jitjieb f’dit-tip ta’ ħidma tant importanti għall-futur tal-Provinċji Karmelitani.

Il-programm kien mimli attivitajiet. Is-sessjonijiet kienu jinkludu laqgħat, diskussjonijiet fi gruppi żgħar, preżentazzjonijiet tal-ideat differenti tagħna, rajna wkoll videos li ġiegħeluna nirriflettu fuq ħidmietna maż-żgħażagħ, smajna fuq qaddisin Karmelitani kif ukoll fuq esperjenzi ta’ wħud miż-żgħażagħ parteċipanti. Kellna wkoll mumenti spiritwali fosthom it-talb ta’ filgħodu u filgħaxija, b’siltiet mill-Bibbja f’forma ta’ lectio divina u kant reliġjuż. Kellna wkoll mumenti ta’ silenzju u riflessjoni fuq qaddisin Karmelitani u fuq dak li nkunu smajna u għamilna matul il-ġurnata. Kuljum konna wkoll niċċelebraw il-Quddiesa flimkien animata minna l-parteċipanti stess. Ma kinux jonqsu mumenti ta’ soċjalizzazzjoni u divertiment flimkien. Kellna wkoll ix-xorti li niltaqgħu mal-Pirjol Ġenerali u miegħu tkellimna formalment waqt il-laqgħat kif ukoll informalment waqt l-ikel u ħinijiet ta’ mistrieħ.

Permezz ta’ din l-esperjenza, irrealizzajna iktar minn qatt qabel li għalkemm Malta hija gżira żgħira maqtugħa mill-pajjiżi l-oħra, fir-realtà aħna nagħmlu parti mill-familja Karmelitana internazzjonali u li x-xogħol li qed isir maż-żgħażagħ jista’ jħalli ħafna frott. Permezz ta’ din l-esperjenza nħossuna wkoll li ġġeddidna u ksibna ideat u enerġija ġdida biex inkomplu naħdmu maż-żgħażagħ fl-isfond tal-ispiritwalità Karmelitana.

Nistgħu ngħidu li waħda mill-iktar punti li tgħallima hu li minflok inkunu spettaturi, għandna nkunu żgħażagħ li naħsbu, nissuġġerixxu u nieħdu azzjoni għall-ġid taż-żgħażagħ stess li naħdmu magħhom. Fi kliem ieħor, hemm bżonn li aħna bħala lajċi żgħażagħ Karmelitani nkunu l-atturi li bl-għajnuna tal-patrijiet nimplimentaw ideat ġodda u li nbiddlu l-mod ta’ kif qed naħdmu skont il-bżonn.

Bħala mudell għandna nimxu ma’ qaddisin Karmelitani, bħal Titu Brandsma, u fil-konkret ma’ patrijiet Karmelitani u lajċi msemmija hawn fuq li flimkien jiffurmaw il-Kummissjoni Ġenerali għall-ħidma maż-żgħażagħ Ewropej. Għalina dawn kienu ta’ ispirazzjoni għaliex iħaddnu tassew l-ispiritwalità Karmelitana filwaqt li jħossuhom żgħażagħ huma stess.

X’hemm bżonn li allura nagħmlu hawn Malta? Għandna nkomplu ninvestu fiċ-Ċentri taż-żgħażagħ fil-parroċċi Karmelitani bħala parti ċentrali tal-ħidma pastorali, kif ukoll norganizzaw attivitajiet u live-ins fejn iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jiskopru aktar lilhom infushom u jqattgħu ħin flimkien bħala parti mill-formazzjoni tagħhom. Irridu naraw li mumenti ta’ riflessjoni u talb ikomplu jsiru fil-laqgħat u fl-attivitajiet li jsiru maż-żgħażagħ, u ovvjament dawn importanti li jkunu jappellaw għaż-żgħażagħ. Irridu nkomplu ninvestu wkoll fil-mezzi soċjali biex nattiraw aktar żgħażagħ kif ukoll biex ngħinuhom f’każ ta’ diffikultà. Importanti wkoll li minn żmien għal żmien nieqfu biex naħsbu fuq ħidmietna, niddiskutu u ntejbu fejn hemm bżonn. L-aħħar u mhux l-inqas, tajjeb li noffru esperjenzi liż-żagħażagħ f’forma ta’ youth exchanges u/jew parteċipazzjoni f’attivitajiet internazzjonali bħall-world youth day, biex b’hekk iż-żgħażagħ Maltin jesperjenzaw xi ħaġa simili li esperjenzajna aħna.

Biex isir dan kollu, nissuġġerixxu li l-Ordni Karmelitan jinvesti fir-riżorsi umani, bħal aktar youth leaders u youth coordinators kif ukoll f’riżorsi finanzjarji, fosthom billi japplika għal fondi nazzjonali u tal-Ewropa. Suġġeriment ieħor hu li l-għaqdiet u l-parroċċi jaqsmu r-riżorsi iktar milli jikkompetu bejniethom. Fl-aħħar u mhux l-inqas, għalkemm l-Ordni għandu jinvesti fil-lajċi, huwa essenzjali li l-patrijiet ikunu preżenti huma wkoll fil-ħidma maż-żgħażagħ.

Christian Brincat & Antonella Agius

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *