Bejn il-21 u d-29 ta’ Jannar 2024, fiċ-Ċentru ta’ Spiritwalità Santa Tereża ta’ Ġesù, f’Boko, Dar es Salaam, it-Tanzanija, iltaqgħu r-reliġjużi Karmelitani responsabbli mit-tmexxija u l-formazzjoni tar-realtajiet li jinsabu fl-Afrika. It-tema tal-laqgħa kienet: “Din it-triq hija qaddisa u tajba: Imxu fiha (Regola Karmelitana 20): Niffaċċjaw l-isfidi tal-Karmelu fl-Afrika.” Il-kelliema ewlenin kienu: Sor Lilian Kapongo, CMSSTCJ; P. James Kulwa Shimbala, SMA; P. Jean-Marie Dundji, O.Carm.; P. Jerome Paluku, OCD; u P. Conrad Mutizamhepo, O.Carm., Kunsillier Ġenerali tal-Ordni Karmelitan għall-Afrika.
Matul il-konferenza ġew affrontati numru ta’ sfidi għall-Karmelu fil-kontinent Afrikan. Xi wħud minn dawn l-isfidi mhumiex fil-kontroll tal-Ordni Karmelitan, bħalma huma: is-sitwazzjoni soċjo-politika u ekonomika, u xi konflitti ċivili oħra li ilhom għaddejjin bosta snin. Fost l-isfidi indirizzati min-naħa tal-Ordni hemm: il-programmi tal-formazzjoni, il-ħidma pastorali, id-dipendenza tar-realtajiet Afrikani mill-Provinċji Ewropej u Amerikani, u kwistjonijiet oħra ta’ natura finanzjarja, bħalma huma: ġestjoni responsabbli, trasparenza u awtosuffiċjenza. Fost il-kawżi prinċipali ta’ ċerti problemi nsibu n-nuqqas ta’ komunikazzjoni u d-differenzi li jeżistu fit-tradizzjonijiet u fid-drawwiet kulturali u soċjali tal-popli Afrikani.
Il-laqgħa approvat messaġġ finali għar-reliġjużi Karmelitani Afrikani kollha. Fih il-parteċipanti jħeġġu: il-kollaborazzjoni bejn is-superjuri u l-formaturi; il-promozzjoni tal-ħajja Karmelitana fuq kull livell, it-tisħiħ tas-sistema finanzjarja; il-promozzjoni ta’ ħidma kollaborattiva b’viżjoni komuni; l-interjorizzazzjoni ta’ ħajja reliġjuża mibnija fuq ir-Regola u l-Kostituzzjonijiet Karmelitani; l-istudju u l-applikazzjoni tal-ħajja komunitarja; il-ħidma għal Kostituzzjonijiet Karmelitani bil-Franċiż; il-ħtieġa ta’ bilanċ bejn il-ħajja reliġjuża Karmelitana u dik saċerdotali.
Fl-aħħar tal-laqgħa l-parteċipanti għamlu evalwazzjoni tal-jiem li għaddew flimkien u tax-xogħol li sar. Ilkoll qablu li kienet esperjenza pożittiva ħafna u ta’ għajnuna biex il-Karmelu Afrikan jissaħħaħ u jniżżel l-għeruq tiegħu fil-fond.