Jiltaqgħu l-Kunsilli Ġenerali O.Carm u OCD

Il-membri tal-Kunsilli Ġenerali tal-Ordni Karmelitan u tal-Ordni Karmelitan Skalz iltaqgħu bejn it-2 u s-6 ta’ April 2024 fil-Monastero Santa Croce li jinsab f’Bocca di Magra, Liguria, Italja. L-għan prinċipali ta’ din il-laqgħa kien li jirriflettu flimkien fuq il-ħajja u t-tagħlim ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù u fl-istess ħin jaqsmu ideat u proġetti ta’ kif jistgħu jkabbru l-kollaborazzjoni ta’ bejn iż-żewġ Ordnijiet.

Tul il-jiem tal-irtir, immexxi minn P. Emilio J. Martinez, OCD, professur tal-Pontificia Facoltà Teologica Teresianum, f’Ruma, huwa tkellem dwar żewġ temi li għandhom x’jaqsmu mal-ħajja ta’ Santa Tereża: l-abbandun u l-missjoni. Minkejja li llum għandna bosta mezzi ta’ komunikazzjoni għad-dispożizzjoni tagħna, ħafna nies għaddejjin mill-esperjenza ta’ Santa Tereża, meta anke hi kienet tħossha abbandunata, iżolata u bla saħħa. Hija toffrilna s-soluzzjoni tal-esperjenza tagħha billi tħeġġiġna ma naqtgħux qalbna imma nibqgħu miexja ′l quddiem billi nintelqu kollna kemm aħna f’idejn Ġesù u ngħixu ħajja ferħana fil-qadi tal-oħrajn. Imbagħad, P. Emilio tkellem dwar il-missjoni ta’ Tereża, fejn semma’ l-Ittra Appostolika tal-Papa Franġisku, ippubblikata fil-15 ta’ Ottubru tas-sena l-oħra. Tereża saret missjunarja minħabba r-relazzjoni intima li kellha ma’ Ġesù, li riedet issir tafu u tħobbu dejjem aktar biex tkun tista’ twasslu lill-oħrajn u huma wkoll isiru jħobbuh. Hija saret missjunarja permezz tal-ħajja tat-talb u bis-sagrifiċċji fil-ħajja reliġjuża fil-Karmelu. U l-missjoni tagħha ma spiċċatx mal-mewt tagħha, imma bħalma xtaqet hi, mill-ġenna, għadha tagħmel il-ġid lil kulħadd.

Fost l-iżviluppi u l-proġetti li ż-żewġ Ordnijiet għaddejjin minnhom jew jistgħu jagħmlu flimkien, il-membri tal-kunsilli tkellmu dwar l-argumenti li ġejjin: il-Proġett ‘Wadi’ fl-Art Imqaddsa, li jikkonsisti fil-konservazzjoni tal-fdalijiet tal-ewwel oratorju u kunvent tal-Karmelitani fuq l-Għolja tal-Karmelu; il-ħtieġa ta’ Formazzjoni Karmelitana b’attenzjoni partikolari għal dawk il-membri li jinsabu fl-ewwel snin wara l-professjoni solenni u/jew l-ordinazzjoni saċerdotali tagħhom; il-ħtieġa li l-formaturi jkunu mħarrġa fit-tradizzjoni Karmelitana; il-kollaborazzjoni fit-tiġdid tal-Marjoloġija u tal-ħajja Marjana taż-żewġ tradizzjonijiet tal-Karmelu; il-promozzjoni tal-esperjenza Karmelitana permezz tal-istudji, tad-devozzjoni fis-santwarji u tal-ikonografija; il-proċess ta’ aġġornament tal-Kostituzzjonijiet tas-sorijiet taż-żewġ tradizzjonijiet; u l-kollaborazzjoni bejn iż-żewġ Superjuri Ġenerali fil-ħruġ ta’ ittra dwar “Marija u t-Talb” għall-Festa tal-Madonna tal-Karmnu 2024. Iż-żewġ Kunsilli Ġenerali jħeġġu lir-reliġjużi Karmelitani taż-żewġ tradizzjonijiet biex jibdew jew ikomplu bid-djalogu u bil-kollaborazzjoni ta’ bejniethom fil-pajjiż rispettiv tagħhom.

Iż-żewġ Kunsilli Ġenerali O.Carm – OCD ilhom jiltaqgħu darbtejn fis-sena, f’Ġunju u f’Diċembru, sa mill-1991. L-għan huwa li jaġġornaw lil xulxin bl-iżviluppi li jkunu qed iseħħu fiż-żewġ fergħat tal-Karmelu u jiddiskutu kwistjonijiet ta’ interess komuni. Imbagħad, kull tliet snin (bħal din id-darba), il-Kunsilli jiltaqgħu għal diversi jiem biex jirriflettu fuq tema partikulari.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *