Nhar l-1 ta’ Settembru 2023 kienet iffurmata komunità ġdida ta’ sorijiet Karmelitani tal-klawsura u nawgurat il-monasteru tagħhom qrib is-Santwarju tal-Madonna tal-Ħarsien f’Museve. Iċ-ċerimonja tmexxiet minn Mons. Joseph Mwongela, Isqof tad-Djoċesi ta’ Kitui fil-Kenja.
Bħalma jixhed il-filmat tal-okkażjoni, kienet ċelebrazzjoni tassew ħajja u mimlija ferħ. Madwar 500 ruħ ħadu sehem għall-quddiesa ta’ dan it-tkabbir il-ġdid tal-Karmelu fl-Afrika. Fil-fatt din hija t-tielet fondazzjoni tas-sorijiet Karmelitani tal-klawsura fil-Kenja. Iż-żewġ monasteri l-oħra jinsabu f’Juja u f’Machakos. Min-naħa tal-Ordni kienu preżenti d-Delegat Ġenerali għall-Kenja, P. Patrick Musyimi, O.Carm., kif ukoll reliġjużi oħra tal-komunità u lajċi Karmelitani.
Il-komunità l-ġdida hija ffurmata minn sitta sorijiet li huma ġejjin mill-monasteru ta’ Machakos: Sor Margarita de Cristo Rey, Sor Mary Grace Mumbi, Sor Mary Leho Raissa, Sor Mary Lucy Nthule, Sor Mary Veronica Muthini, u Sor Mary Lucy Munyiva.
Għal aktar tagħrif dwar l-okkażjoni ara l-filmat …