100 Sena mill-wasla tal-Karmelitani fl-Indoneżja

Nhar il-11 ta’ Awwissu 2023, l-akbar Provinċja tal-Ordni Karmelitan, tat bidu għaċ-ċelebrazzjonijiet fl-okkażjoni tal-100 sena mill-wasla tal-ewwel Karmelitani fl-Indoneżja. L-ewwel attività, li kienet tikkonsisti f’talb, mużika, żfin u ikla, saret f’Ġakarta, fil-parroċċa Marija Omm il-Karmelu. Flimkien ma’ ħafna ħbieb u lajċi, kienu preżenti bosta Karmelitani, kemm lokali kif ukoll minn diversi nħawi tad-dinja.

Il-preżenza tal-Karmelitani fl-Indoneżja taf il-bidu tagħha fl-1923 mill-patrijiet Olandiżi. Wara li kienu taw is-sehem tagħhom biex jirrestawraw il-Provinċja Karmelitana ta’ Rio de Janeiro (il-Brażil), huma dawru ħarsithom lejn l-Indji tal-Lvant Olandiż. Din id-deċiżjoni kellha s-sapport sħiħ tal-qaddis Titu Brandsma li f’dak iż-żmien kien membru tal-Kunsill Provinċjali. Mitt sena ilu, tliet patrijiet Karmelitani, P. Clement Van der Pas, P. Paschal Breukel, u P. Linus Hemckens, ħallew l-Olanda biex jevanġelizzaw il-gżira ta’ Madura u l-parti tal-Lvant ta’ Ġava. F’dak iż-żmien il-Kattoliċi Ġavaniżi kienu inqas minn 200 ruħ! Hekk kif aktar missjunarji ngħaqdu mal-ewwel tlieta, il-Karmelitani fetħu parroċċi ġodda u sejħu Ordnijiet Reliġjużi oħra biex jgħallmu fl-iskejjel. Fl-1927 il-missjoni saret Prefettura Appostolika b’P. Clement Van der Pas, O.Carm., bħala l-mexxej tagħha. Fl-1937 kien ordnat l-ewwel Presbiteru Karmelitan Ġavaniż, P. Gerard Singgih Padmowyoto. Fl-1939 Malang sar Vigarjat Appostoliku, u P. Avertanus Albers, O.Carm., kien ikkonsagrat Isqof.

Fit-Tieni Gwerra Dinjija, matul l-okkupazzjoni Ġappuniża, uħud mill-Karmelitani kienu internati u diversi minnhom kienu trattati ħażin u saħansitra mietu. Iżda s-seminarju maġġuri tal-post baqa’ fuq saqajh, u wara li l-Indoneżja ħadet l-indipendenza, sar progress kbir fil-Knisja Lokali. Fl-1960 il-Karmelitani tal-Indoneżja saru Kummissarjat Ġenerali, b’P. Martin Sarka Dipojudo, O.Carm., Kummissarju. Fl-1967 P. Andrew Harjaka, O.Carm., kien magħżul l-ewwel superjur tal-Provinċja l-ġdida. Meta P. Franciscus Xaverius Hadisumarta, O.Carm., ħa post Mons. Avertanus Albers, O.Carm., bħala Isqof ta’ Malang, l-appostolat Karmelitan fl-Indoneżja kien fl-aqwa tiegħu.

L-istatistiċi tal-Ordni Karmelitan tas-sena l-oħra juru li l-Provinċja Indoneżjana għandha 405 reliġjuż f’77 komunità. Il-biċċa l-kbira tal-membri jinsabu fl-Indoneżja, imma wħud minnhom jinsabu jaħdmu jew jistudjaw fi Provinċji oħra tal-Ordni Karmelitan.                                                                     

Għal aktar tagħrif dwar il-ftuħ taċ-ċelebrazzjonijiet ara:

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *