Matul l-ewwel xhur ta’ din is-sena, il-Provinċja Taljana Karmelitana qed twettaq programm ta’ formazzjoni għal dawk it-terzjarji li se jkunu formaturi fi ħdan it-Terz’Ordni. Il-kors qiegħed isir fil-knisja ta’ San Martin ai Monti u huwa mqassam f’ħames skedi. It-tħejjijiet għal dan il-kors bdew fis-sajf tas-sena l-oħra fuq proposta ta’ P. Antonios Mascali, O.Carm., Assistent Spiritwali tat-Terz’Ordni, P. Sebastian Benchea, O.Carm., Viċidirettur Spiritwali, is-Sur Michaele Bonanno, President Provinċjali u s-Sur Nicola Sozzi, Delegat Provinċjali.
Biex iħajjru lill-membri tat-Terz’Ordni jidħlu għall-isfida bħala formaturi, l-organizzaturi kkwotaw ittra li kien kiteb P. John Malley lit-Terz’Ordni meta kien Pirjol Ġenerali tal-Karmelitani. F’dik l-ittra P. John Malley ħeġġeġ lil kull membru biex ikun punt ta’ riferiment fil-Karmelu u fis-soċjetà. Fakkar dak li qal id-dokument Lumen Gentium, l-iktar dokument importanti tal-Konċilju Vatikan II, li jitkellem dwar ir-rwol tal-lajċi fil-Knisja. Fih tidher biċ-ċar il-missjoni, l-appostolat u l-importanza tal-lajċi fil-bini tal-Ġisem ta’ Kristu li huwa l-Knisja. L-ittra tkompli tgħid li “imħajrin mill-kariżma u mill-ispiritwalità tal-Karmelu, il-lajċi tagħna huma preżenti fid-dinja u għandhom opportunità speċjali li jaqsmu mal-oħrajn il-valuri fundamentali tal-Ordni …”.
Għall-ewwel parti ta’ dan il-kors ħadu sehem aktar minn 100 ruħ. L-iskedi tal-kors huma dawn:
23 u 30 ta’ Jannar 2023 | Enrique Andres Trujillo Herrera
Introduzzjoni għall-istorja tal-Knisja
13 u 20 ta’ Frar | Daniel DiFilippo
Introduzzjoni għal-liturġija u s-sagramenti
13 u 20 ta’ Marzu | Robert Toni
Introduzzjoni għall-Kotba Mqaddsa
17 u 24 ta’ April | Luqa ta’ Ġirolmu
Il-Maġisteru
8 u 15 ta’ Mejju | Salvatore Asta
Introduzzjoni għall-ispiritwalità Karmelitana