Skont l-aħħar ħarġa tar-rivista ‘America’, ippubblikata kull xahar mill-Ġiżwiti Amerikani, il-Papa Franġisku wera “appoġġ sħiħ” biex San Titu Brandsma, Karmelitan, ikun “il-patrun tal-ġurnalisti”. L-istqarrija tal-Papa ħarġet bi tweġiba għat-talba li saret mis-Sur Van Lierde u tliet ġurnalisti Olandiżi waqt intervista.
Fil-15 ta’ Mejju 2023, il-Knisja se tkun qed tiċċelebra l-ewwel anniversarju mill-kanonizzazzjoni ta’ San Titu mill-Papa Franġisku. Waqt konferenza stampa organizzata mill-Uffiċċju tal-Komunikazzjoni tal-Ordni Karmelitan ftit jiem qabel il-kanonizzazzjoni ta’ San Titu, ġurnalist Olandiż talab lil P. Míceál O’Neill, O.Carm., Pirjol Ġenerali, għall-appoġġ tiegħu fl-isforzi biex Brandsma jkun dikjarat patrun tal-ġurnalisti. Huwa ppreżenta lill-Pirjol Ġenerali ittra għall-Papa Franġisku mingħand il-ġurnalisti Kattoliċi akkreditati mill-Vatikan.
L-ittra tispjega r-raġunijiet l-għaliex San Titu għandu jkun nominat patrun tal-ġurnalisti. Parti mill-ittra tgħid hekk: “inti se tikkanonizza bniedem li jiġbor fih il-valuri ġurnalistiċi kruċjali sal-ġurnata ta’ mewtu …” L-istess ġurnalisti fakkru lill-Papa Franġisku fit-twissija li kien għamlilhom fil-24 ta’ Jannar 2018 biex “jippromwovu ġurnaliżmu ta’ paċi”, “ġurnaliżmu mimli verità, ostili għall-falsità, slogans rettoriċi u headlines sensazzjonali; ġurnaliżmu magħmul min-nies għan-nies, li hu ta’ servizz għal kulħadd, (…) ġurnaliżmu impenjat fl-indikazzjoni ta’ soluzzjonijiet alternattivi fejn jiżdied l-għajjat u l-vjolenza verbali.” Fl-ittra, il-ġurnalisti komplew jistqarru li huma jaraw lil San Titu bħala l-ħabib u l-avukat tagħhom, anzi l-patrun tal-ġurnalisti.
Is-Sur Emmanuel Van Lierde huwa l-eks editur kap ta’ ‘Tertio’, gazzetta Kristjana Belġjana ta’ kull ġimgħa. Il-Papa kien intervistat fid-19 ta’ Diċembru 2022, jumejn wara li ċċelebra għeluq is-86 sena minn twelidu. L-intervista dehret reċentement bl-Olandiż fi ktieb dwar l-għaxar snin mill-pontifikat ta’ Papa Franġisku miktub mis-Sur Van Lierde. Il-ktieb jismu ‘Paus Franciscus: De conservatieve revolutionair’ (‘Papa Franġisku: Il-konservattiv rivoluzzjonarju’).