Nhar il-31 ta’ Awwissu 2023, quddiem ġemgħa ta’ madwar 70 ġurnalist, li kienu qegħdin jakkumpanjawh għaż-żjara ta’ erbat ijiem f’Ulaanbaatar, il-kapitali tal-Mongolja, il-Papa Franġisku fakkar l-Ittra Appostolika li qiegħed jikteb dwar Santa Tereża tal-Bambin Ġesù u l-Wiċċ Imqaddes, li bi ħsiebu jippubblika fil-15 ta’ Ottubru (fil-festa tal-qaddisa Karmelitana l-oħra: Tereża ta’ Ġesù).
Il-Papa Franġisku kien ħabbar għall-ewwel darba din l-ittra waqt l-udjenza ġenerali tas-7 ta’ Ġunju 2023 li saret fi Pjazza San Pietru. Quddiem ir-relikwi ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù, huwa fakkar lil dawk preżenti li din is-sena jaħbat għeluq il-150 sena minn twelidha u l-100 anniversarju minn meta Benedittu XV ibbeatifikaha.
Waqt il-katekeżi tiegħu, fost l-oħrajn, il-Papa qal: “Santa Tereża hija l-Patruna tal-Missjonijiet, iżda qatt ma marret f’xi art tal-missjoni! Kif inhi din? Kienet soru Karmelitana u ħajjitha kienet ikkaratterizzata miċ-ċokon u d-dgħufija. Hi stess iddefiniet lilha nfisha bħala ‘farka żgħira tar-ramel’. B’saħħa dgħajfa, miet ta’ 24 sena. Imma jekk ġisimha kien bla saħħa, qalbha kienet tħabbat bil-qawwi, kienet missjunarja. Fid-djarju tagħha tgħid li, tkun missjunarja kienet ix-xewqa tagħha, u riedet tkun missjunarja mhux biss għal ftit snin, imma għal ħajjitha kollha, anzi sal-aħħar tad-dinja. Tereża kienet ‘oħt spiritwali’ ta’ diversi missjunarji. Mill-monasteru akkumpanjathom bl-ittri tagħha, bit-talb, filwaqt li kienet toffrilhom sagrifiċċji bla taqta’. Mingħajr ma tidher, kienet tinterċedi għall-missjonijiet, bħal magna moħbija, li tagħti s-saħħa lill-karozza biex timxi ′l quddiem. … L-għan tagħha ta’ kull ġurnata kien: ‘li tagħmel lil Ġesù maħbub’, li tinterċedi sabiex l-oħrajn iħobbuh. Kitbet: “Irrid insalva l-erwieħ u ninsa lili nnifsi għalihom: irrid insalvahom anke wara mewti”. Aktar minn darba qalet: “Se nqatta’ ż-żmien li għandi fis-sema nagħmel il-ġid fuq l-art.””
Santa Tereża tal-Bambin Ġesù, magħrufa wkoll bħala ‘l-Fjura ċ-ċkejkna’, kienet soru Karmelitana Skalza Franċiża. Twieldet fil-belt ta’ Alençon fit-2 ta’ Jannar 1873. Kienet dikjarata qaddisa fl-1925 mill-Papa Piju XI u pproklamata Duttur tal-Knisja fid-19 ta’ Ottubru 1997 minn San Ġwanni Pawlu II. San Piju X kien iqisha bħala “l-akbar qaddis taż-żminijiet moderni”.