Provinċjal ġdid għall-Karmelitani Maltin

Dalgħodu, Patri Charles Mallia, O.Carm., intgħażel minn fost ħutu r-reliġjużi bħala l-Pirjol Provinċjali tal-Karmelitani għat-tliet snin li ġejjin. Huwa ntgħażel waqt l-ewwel sessjoni tal-Kapitlu Provinċjali li qiegħed isir f’Santa Venera matul din il-ġimgħa.

Bħala Kunsillieri tal-Provinċjal intgħażlu wkoll: Patri Maurice Abela, O.Carm., Patri Martin Schembri, O.Carm., Patri Alexander Scerri, O.Carm., u Patri Ivan Scicluna, O.Carm.

Fil-Provinċja Karmelitana Maltija, Patri Charles Mallia serva bħala Kunsillier Provinċjali, Rettur ta’ St. Elias College u Pirjol tal-komunitajiet f’Santa Venera u fil-Balluta. Huwa ilu jservi għal dawn l-aħħar tlettax-il sena bħala d-Delegat tal-Arċisqof għall-Edukazzjoni Nisranija.

Il-Pirjol Ġenerali tal-Karmelitani, Patri Míċeál O’Neill, O.Carm., filwaqt li awgura lill-Provinċjal u l-Kunsillieri l-ġodda, irringrazzja wkoll lill-Pirjol Provinċjali li spiċċa, Patri Joseph Saliba, O.Carm., li flimkien mal-Kunsill tiegħu mexxa lill-Provinċja Karmelitana Maltija għal dawn l-aħħar tliet snin.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *