Ċikkulata Karmelitana!

Ftit taż-żmien ilu, waqt ir-riorganizzazzjoni u l-inventarju tal-fondi tal-knisja u tal-kunvent tal-Karmelitani ta’ Santa Marija in Traspontina (Ruma), ippreservati fl-Arkivju Ġenerali tal-Ordni Karmelitan, l-istudjuż Jacopo De Santis, sab diversi dokumenti li jixhdu, li matul is-seklu 18, fl-istess kunvent, fiż-żmien meta kien hemm is-sede tal-Kurja Ġenerali tal-Karmelitani, il-patrijiet, bħala parti mill-għejxien tagħhom, kienu jipproduċu ċ-ċikkulata! Dan jidher mill-korrispondenza li kienet tgħaddi bejn ir-reliġjużi u personalitajiet varji ta’ dak iż-żmien, fejn talbu li tintbagħtilhom din id-delikatezza.

Fost l-oħrajn insibu l-korrispondenza ta’ sbatax-il ittra tal-1758 li nkitbet mill-Eks Pirjol Ġenerali tal-Karmelitani, P. Luigi Laghi, tal-Provinċja tar-Romagna. Dan ir-reliġjuż talab lill-komunità ta’ Traspontina tibgħatlu kunsinna ta’ ċikkulata fil-kunvent ta’ Forlì, fl-Italja. Fost l-oħrajn huwa jgħid li qed juża ċ-ċikkulata b’mod abitwali, għax fil-fehma tiegħu, għenitu kontra l-qtugħ ta’ nifs li kien qiegħed ibati bih u wkoll minn mard ieħor. F’ittra oħra, b’mod umoristiku, P. Laghi jistqarr li ma kienx hemm għaġla għall-ordni tiegħu għax il-provvista taċ-ċikkulata li kellu kienet isservih għal madwar sitt xhur jew aktar!

L-istudju arkivista li għamel Jacopo De Santis kien ippubblikat mill-Edizioni Carmelitane fil-ktieb bl-isem: “Santa Maria in Traspontina. La vita di una comunità carmelitana attraverso le carte d’archivio”. Filwaqt li jikteb fuq il-ġrajjiet storiċi li għadda minnhom l-arkivju, l-awtur jagħti profil storiku tal-komunità Karmelitana ta’ Traspontina mill-aħħar tas-seklu 15 sal-lum.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *