It-twaqqif uffiċjali tal-Karmelitani fil-Vjetnam

Wara ħafna snin ta’ ħidma u ta’ stennija, fl-aħħar il-Ministeru tal-Intern Vjetnamiż, nhar il-25 ta’ Diċembru 2023, approva t-twaqqif tal-Ordni tal-Aħwa tal-Imqaddsa Verġni Marija tal-Għolja tal-Karmnu fil-Vjetnam. Is-sede uffiċjali tar-reliġjużi huwa l-kunvent tal-Madonna tal-Karmnu li jinsab fil-belt ta’ Thu Duc. Il-Gvern Vjetnamiż ta mandat lill-Unjoni tas-Superjuri Maġġuri lokali biex tmexxi l-Ordni skont il-liġijiet ċivili, hekk li l-istess Ordni jkun jista’ jwettaq attivitajiet reliġjużi fil-pajjiż kollu fi qbil mar-reliġjon Kattolika u skont il-kariżma tal-Ordni. Qabel dan il-ftehim il-Karmelitani kellhom il-permess li jiftħu kunventi/djar f’Ho Chi Minh City biss. Issa se jkun aktar faċli li huma jiftħu djar oħra fil-provinċji kollha tal-pajjiż.

P. Mario Esposito, O.Carm., il-Pirjol Provinċjali tal-Provinċja ta’ San Elia fl-Amerika ta’ Fuq li ħadet ħsieb it-twaqqif tal-Karmelitani fil-Vjetnam, qal: “Dan huwa mument straordinarju, li ilna naħdmu għalih sa mill-1996, u fl-aħħar waslilna bħala r-rigal tal-Milied! Nirringrazzjaw ′l Alla, lill-Madonna tal-Karmnu u lil San Ġużepp għal dan ir-rikonoxximent tal-Gvern li b’mod legali jkompli jiftaħ il-bibien sabiex ir-reliġjużi Karmelitani jkunu jistgħu jgħixu u jaqdu l-ministeru tagħhom fil-pajjiż. Minn qalbna nbierku t-tmexxija u l-membri tal-Kummissarjat, u tal-Provinċja tagħna, għall-ħidma kollha li saret biex jinkiseb dan ir-riżultat.”

Bħalissa l-Karmelitani tal-Vjetnam jinsabu preżenti f’sitt idjar: tnejn fil-Belt ta’ Ho Chi Minh, waħda fil-provinċja ta’ Dong Nai, tnejn fil-provinċja ta’ Binh Duong u dar oħra fil-provinċja ta’ Dak Lak. Il-Kummissarjat Provinċjali tal-Vjetnam huwa ffurmat minn 36 reliġjuż professi solenni, 3 novizzi u 14-il prenovizz.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *