It-Tieni Kungress dwar Titu Brandsma

It-“Titus Brandsma Circle”, b’kollaborazzjoni ma’ studjużi minn diversi universitajiet ta’ Ruma, qed jorganizza t-Tieni Kungress dwar Titu Brandsma, li se jsir fl-Istituto Maria Bambina (qrib Pjazza San Pietru), f’Ruma, bejn is-27 u d-29 ta’ Novembru 2025.

Il-Karmelitan u professur tal-filosofija, San Titu Brandsma (1881-1942), wettaq xogħol fundamentali fil-qasam tal-mistika Olandiża. Kien wieħed mill-ħassieba ewlenin dwar it-tagħlim soċjali tal-Knisja Kattolika fl-Olanda u mexxa ′l quddiem it-tagħlim bl-iskejjel Kattoliċi u l-ġurnaliżmu Kattoliku ta’ kwalità. Huwa kkritika n-Nazzjonal Soċjaliżmu u ħadem qatigħ għall-paċi bejn il-popli.

L-organizzaturi tat-“Titus Brandsma Circle” qed jilqgħu studji li għandhom x’jaqsmu mad-diversi aspetti ta’ ħajtu, l-attivitajiet varji li kien iwettaq u wkoll dwar it-tagħlim u l-kitbiet tiegħu. Dawn l-istudji, ta’ madwar 300 kelma, bl-Ingliż, bl-Ispanjol jew bit-Taljan, għandhom jintbagħtu f’dan l-indirizz elettroniku: info@titusbrandsmacircle.org sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu 2025. Għal aktar tagħrif wieħed jista’ jżur is-sit elettroniku tat-“Titus Brandsma Circle” https://titusbrandsmacircle.org/

Il-kumitat organizzattiv ta’ dan il-kungress huwa ffurmat minn erba’ membri: P. Fernando Millán, O.Carm., professur tal-Università ta’ Comillas, Madrid, Spanja, u President tat-“Titus Brandsma Circle”; is-Sinjura Giovanna Brizi, Postulatriċi Ġenerali tal-Ordni Karmelitan u professur tal-Università Pontifiċja Gregorjana; P. Giovanni Grosso, O.Carm., President tal-Institutum Carmelitanum f’Ruma u Professur fl-Università Teresianum; u P. Michael Plattig, O.Carm., Membru tal-Istitut Karmelitan Ġermaniż u tal-Institutum Carmelitanum, u Professur fl-Università Pontifiċja Gregorjana.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *