Lis-storiku Karmelitan, P. Joachim Smet, fl-istorja tiegħu tal-Ordni ħallielna miktub li minbarra l-kunvent ta’ Fortamia (1238) f’Ċipru, l-Ordni kellu wkoll kunventi oħra f’Limassol, Paphos, Famagusta u Nicosia. Infatti, dawn il-kunventi jinsabu mniżżlin fil-lista tal-kunventi Karmelitani tal-Kostituzzjonijiet tal-Ordni tal-1369.
Ftit xhur ilu kien beda jsir it-tħaffir f’Panagia Karmiotissa f’Limassol biex isir studju aktar profond tal-knisja li tinsab f’dan il-post. Mill-fuħħar li nstab, il-binja tmur lura għas-seklu 13 u huwa maħsub li x’aktarx kienet parti mill-kunvent tal-Karmelitani. Skont rapport ippubblikat mid-Dipartiment tal-Antikitajiet ta’ Ċipru, l-istudjużi huma tal-fehma li kollox jindika li fis-seklu 13, f’dan il-post, kien hemm komunità ta’ Karmelitani. Minbarra l-fuħħar li nstab tas-seklu 13, it-tħaffir kixef l-evidenza ta’ żewġ abitazzjonijiet post-Biżantini mibnijin f’fażijiet differenti.
Barra minn hekk, wara l-abside tal-knisja, instabu diversi ħofor ta’ daqs uman allinjati mil-lvant għall-punent, li x’aktarx kienu jservu għad-dfin, bħala ċ-ċimiterju tal-knisja. Taraġ maqtugħ fil-blat li jieħu għal taħt il-knisja jindika li qabel il-bini tal-knisja attwali, il-post kien jintuża għal xi ħaġa oħra. Meta l-art tal-knisja kienet mistħarrġa permezz ta’ radar, irriżulta li aktar fil-fond hemm strutturi oħra.