Jiltaqgħu s-superjuri Karmelitani tal-Ewropa

Bejn il-15 u s-16 ta’ Jannar 2024, fiċ-Ċentru Internazzjonali ta’ San Albert, f’Ruma, iltaqgħu l-provinċjali, il-kummissarji ġenerali u d-delegati ġenerali tal-Ewropa, biex jaqsmu bejniethom l-esperjenzi ta’ dak li għaddejjin minnu r-realtajiet tagħhom u jipprogrammaw xi attivitajiet.

Fl-omelija li saret waqt il-quddiesa tal-ftuħ, P. Benny Phang, Viċi Pirjol Ġenerali, tkellem dwar l-importanza tal-ministeru vokazzjonali. Wara l-quddiesa, tkellem ukoll P. Richard Byrne, Kunsillier Ġenerali għall-Ewropa, fejn ta rapport qasir dwar il-kapitli u ż-żjarat li ġejjin, il-kors ta’ formazzjoni permanenti fuq Santa Tereża tal-Bambin Ġesù, l-irtir li se jsir din is-sena għall-istudenti Karmelitani u l-laqgħa maħsuba għal żgħażagħ adulti li se issir fl-aħħar ta’ Lulju fis-Sena tal-Ġublew.

Imbagħad, il-presidenti tat-tliet reġjuni Ewropej, Italja-Malta, Iberja (Spanja u Portugall) u l-pajjiżi tal-Ewropa ta’ Fuq, taw  rapport tal-attivitajiet li saru fir-reġjun tagħhom u tal-kollaborazzjoni li kien hemm bejniethom. Fost l-oħrajn issemma li f’Settembru 2023, ir-reġjun tal-Ewropa ta’ Fuq organizza kors ta’ jumejn f’Dublin, l-Irlanda, dwar il-ministeru vokazzjonali. Fih ħadu sehem sittax-il parteċipant li flimkien stħarrġu kif wieħed jista’ jrawwem kultura għall-vokazzjonijiet Karmelitani fiż-żmien ta’ llum. Fuq l-istess argument tal-vokazzjonijiet, ir-reġjuni Italja-Malta u Iberja, f’Diċembru li għadda ltaqgħu online għal sagħtejn. F’din l-okkażjoni, wieħed u għoxrin parteċipant qasmu bejniethom l-entużjażmu tagħhom għal dan il-ministeru u ċ-ċertezza tagħhom li l-Ispirtu s-Santu għadu jsejjaħ aktar Insara lejn il-Karmelu. Fit-tieni jum ta’ din il-laqgħa, fost interventi oħra, P. Alejandro López-Lapuente, li huwa s-surmast tan-novizzi Karmelitani f’Salamanca, fi Spanja, irrapporta li attwalment hemm seba’ novizzi mir-reġjun tal-Iberja li qed ikunu akkumpanjati minn seba’ reliġjużi Karmelitani oħra li huma responsabbli mill-komunità tal-formazzjoni. Irriżulta, li sa mit-twaqqif ta’ din il-komunità, tmienja u tmenin novizz Karmelitan bdew in-novizzjat tagħhom f’Salamanca!

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *