Il-belt ta’ Nijmegen tonora lil San Titu Brandsma

Fl-ewwel anniversarju mill-kanonizzazzjoni ta’ San Titu Brandsma, li seħħet fil-15 ta’ Mejju 2022, il-kunsill tal-belt ta’ Nijmegen semma’ t-triq li tgħaddi minn fuq il-pont prinċipali li jwassal għaċ-ċentru tal-belt lill-Karmelitan Olandiż. It-triq twassal u tispiċċa fil-post fejn ta’ kull sena jiġu mfakkra l-vittmi tat-Tieni Gwerra Dinjija. Dawn id-dettalji juruna kemm kien għaqli u adattat li din it-triq tissemma għal dan il-qaddis, b’mod speċjali mhux biss għax San Titu huwa vittma tat-Tieni Gwerra Dinjija imma wkoll għax huwa, matul ħajtu ħadem kemm felaħ biex jibni pontijiet mhux biss bejn il-bnedmin, imma wkoll bejn il-bnedmin u Alla. Fost l-oħrajn, dan il-fatt ifakkarna meta s-surġent Hardegen talab lil Titu jikteb esej qasir dwar ir-raġunijiet l-għaliex l-Olandiżi, u speċjalment l-Insara, jopponu lis-sistema tan-Nazzjonal Soċjaliżmu. Brandsma ppreżenta fil-qosor il-motivi tiegħu mill-aspett filosofiku, etiku u reliġjuż. Minkejja l-oppożizzjoni diretta tiegħu, Titu temm kitbietu bi kliem mill-isbaħ: “Il-Mulej ibierek ՚l-Olanda! Il-Mulej ibierek ՚il-Ġermanja! Il-Mulej jagħti lil dawn iż-żewġ popli li jsibu mill-ġdid it-triq tal-paċi u tal-ħelsien, u li jagħrfu l-Glorja Tiegħu għall-ġid ta’ dawn iż-żewġ pajjiżi li huma tant qrib xulxin.”

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *