Karmelitan iservi waqt il-quddies tal-Papa

Sa minn Mejju tas-sena l-oħra, P. Matteo Antollini, reliġjuż Karmelitan minn Malnate (Varese), l-Italja, kien imsejjaħ diversi drabi biex jagħti s-servizz tiegħu ta’ Djaknu fil-quddies tal-Papa Franġisku. Bħalissa P. Matteo qed ikompli l-istudji tiegħu fil-Biblicum, f’Ruma, u jifforma parti mill-komunità Karmelitana li tinsab fiċ-Ċentru Internazzjonali San Albert. Huwa se jtemm iż-żmien tad-Djakonat tiegħu fl-24 ta’ Ġunju 2023 meta se jkun ordnat Saċerdot fil-knisja ta’ Santa Marija in Traspontina, f’Ruma.

Bħala regola ġenerali, iż-żmien tad-Djakonat huwa ta’ sena qabel l-ordinazzjoni Presbiterali, u l-uffiċju prinċipali tiegħu huwa li jxandar l-Evanġelju u jgħin lis-saċerdot waqt il-quddiesa. Mhiex ħaġa komuni li l-istess Djaknu jkollu l-okkażjoni li jieħu sehem aktar minn darba fil-quddiesa tal-Papa. Madankollu, P. Matteo Antollini, kellu x-xorti li jkun imsejjaħ u jagħti dan is-servizz diversi drabi.

Kollox beda fil-15 ta’ Mejju 2022, fl-okkażjoni tal-kanonizzazzjoni tal-Karmelitan Titu Brandsma. Il-liturġisti tal-Vatikan bdew ifittxu Djaknu li seta’ jkanta l-Evanġelju waqt il-quddiesa tal-okkażjoni. Wara li għamel xi provi quddiem id-direttur tal-Kor tas-Sistina, P. Matteo ntgħażel bħala d-Djaknu li kellu jxandar il-Kelma ta’ Alla waqt il-kanonizzazzjoni. F’Awwissu tal-istess sena P. Matteo kien imsejjaħ darbtejn oħra sabiex jagħti s-servizz tiegħu waqt il-funeral tal-Kardinal Jozef Tomko, membru tal-Kurja ta’ Ruma, u waqt it-tmien konċistorju tal-Papa Franġisku fejn ħatar 20 Kardinal ġdid.

Okkażjonijiet oħra li fihom P. Matteo ta s-servizz tiegħu fil-quddies papali kienu nhar l-Erbgħa tal-Irmied, fil-bażilka ta’ Santa Sabina (Ruma), u waqt il-quddiesa ta’ Ħadd il-Palm, fi Pjazza San Pietru. Imma fi kliem P. Matteo, “l-aktar li ħassejtni emozzjonat kien fil-lejl ta’ Sibt il-Għid, meta għamilt it-tħabbira tal-Għid lill-Qdusija tiegħu l-Papa Franġisku bil-kant tal-ewwel Hallelujah wara l-40 jum tar-Randan!”

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *