San Titu Brandsma u l-priġunieri Afrikani

Filwaqt li fil-15 ta’ Mejju 2022, fl-10.00 ta’ filgħodu, fi Pjazza San Pietru, kienet qed issir il-kanonizzazzjoni tal-Beatu Titu Brandsma mill-Papa Franġisku, fil-ħabs ta’ Bunia, fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, fl-Afrika, il-kappillan tal-faċilità korrettiva, P. Désiré Unen Alimange, Karmelitan, kien qiegħed jiċċelebra quddiesa ta’ radd il-ħajr lil Alla għall-kanonizzazzjoni ta’ Titu Brandsma. It-tema ewlenija taċ-ċelebrazzjoni ewkaristika kienet: “Illum, f’Ruma, priġunier bħalkom, qiegħed jiġi ddikjarat qaddis mill-Papa Franġisku. Għalikom ukoll, il-ħabs jista’ jkun il-post tal-qdusija, l-istess bħalma kien għal Titu Brandsma, imsaħħaħ mill-Ewkaristija u d-devozzjoni tiegħu lejn il-Verġni Mqaddsa Marija.”

Jidher li l-kliem ta’ P. Désiré mess il-qalb ta’ ħafna priġunieri hekk li diversi minnhom iddikjaraw lilhom infushom “Amis de Titus Brandsma” (Ħbieb ta’ Titu Brandsma). Infatti, wara li kellimhom fuq il-ħajja, il-virtujiet u l-fama ta’ qdusija ta’ dan il-Karmelitan, ħafna priġunieri fehmu l-importanza tal-konverżjoni tagħhom. Tant hu hekk li dakinhar stess, x’uħud minnhom urew ix-xewqa li jsiru Insara. Kien il-bidu tal-katekumenat (tat-tħejjija) tagħhom li wassalhom għall-magħmudija minn P. Désiré stess nhar l-Għid il-Kbir ta’ din is-sena. Imbagħad, ġimgħa wara, fit-tieni Ħadd tal-Għid, huma rċevew is-sagrament tal-Griżma tal-Isqof mid-Delegat tal-Isqof. Fuq il-pass li ħadu dawn il-priġunieri, kien hemm aktar minn erbgħin priġunier ieħor li talbu li jsiru Nsara. Bħalissa fil-ħabs ta’ Bunia hemm madwar 2,300 ruħ.

Ta’ min jgħid li din is-sena l-Karmelitani fil-Kongo qed jiċċelebraw il-50 sena mill-wasla tal-ewwel tliet missjunarji Taljani. Bil-ħidma tagħhom u bil-għajnuna ta’ Alla llum hemm madwar 74 reliġjużi Karmelitani fi ħdax-il kunvent.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *