Il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ jikkonsisti fil-laqgħa taż-żgħażagħ mid-dinja kollha mal-Papa. Għalkemm din il-laqgħa għandha karattru Nisrani, hija miftuħa għaż-żgħażagħ kollha, indipendentement minn kemm huma qrib tal-Knisja. Din l-okkażjoni għandha l-għan li tlaqqa’ ż-żgħażagħ ma’ Kristu u wkoll li tippromwovi l-paċi, l-għaqda u l-fraternità bejn popli u nazzjonijiet differenti. Din is-sena ż-żgħażagħ se jiltaqgħu f’Lisbona, fil-kapitali tal-Portugall, mill-1 sas-6 ta’ Awwissu 2023. It-tema prinċipali se tkun: “Marija qamet u marret tħaffef” (Lq 1,39). Bħala parti mill-attivitajiet organizzati matul din il-ġimgħa, nhar l-Erbgħa 2 ta’ Awwissu, se jkun iċċelebrat Jum iż-Żgħażagħ Karmelitani. Huma se jiltaqgħu fil-knisja tal-Karmnu li tinsab f’Avenida Francisco Pinto Pacheco, 34, 2660-262 Santo António dos Cavaleiros, Loures, Lisbona. Din hija okkażjoni unika fejn żgħażagħ Karmelitani mid-dinja kollha mhux biss jieħdu sehem fil-Jum Dinji taż-Żgħażagħ imma wkoll okkażjoni biex jiltaqgħu bejniethom, isiru jafu r-realtajiet ta’ xulxin u jitolbu flimkien. Huwa mistenni li l-Pirjol Ġenerali P. Míceál O’Neill, assistit mill-Kunsillier Ġenerali għall-Ewropa P. Richard Byrne, jgħalaq din il-ġurnata biċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija. L-attivitajiet tal-ġurnata qed ikunu organizzati mill-Karmelitani tal-Kummissarjat Ġenerali tal-Portugall u mill-Kummissjoni Internazzjonali taż-Żgħażagħ tal-Ordni Karmelitan.