Il-Karmelu jiċċelebra 50 sena fil-Kongo

Din is-sena, l-Ordni Karmelitan qed jiċċelebra l-50 anniversarju mill-wasla tiegħu fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo. L-attivitajiet tal-okkażjoni, li bdew f’Mejju li għadda b’ċelebrazzjoni Ewkaristija fil-parroċċa ta’ Isidor Bakanja f’Chemchem (Bunia), jilħqu l-qofol tagħhom fl-istess xahar tas-sena d-dieħla.

Il-fondazzjoni tal-Karmelu fiż-Żaire, dak li qabel kien il-Kongo Belġjan u llum ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, kienet frott l-ispirtu missjunarju tal-Konċilju Vatikan II. Tmien snin biss wara l-għeluq tiegħu, fl-1973 telqu l-ewwel tliet missjunarji Karmelitani mill-Provinċja Rumana (li f’dak iż-żmien kienet tkopri t-territorju tal-Italja Ċentrali): P. Arcangelo Colandrea, P. Ubaldo Pani u P. Domenico Fiore (li tnejn minnhom għadhom ħajjin). Huma bdew il-ħidma tagħhom fir-raħal ta’ Jiba, fl-Ituri, il-parti tal-grigal tal-pajjiż, ħdejn l-Għadira Albert, fid-djoċesi ta’ Bunia. Meta mbagħad fl-1991 twaqqfet il-Provinċja Taljana, bl-għaqda flimkien ta’ tliet Provinċji Karmelitani, il-forza żdiedet u l-missjoni fl-art Kongoliża saret patrimonju u impenn għall-Familja Karmelitana kollha tal-entità l-ġdida. Din l-għaqda għenet mhux ftit biex il-ħidma missjunarja tkompli tikber. Infatti, wara l-preżenza tal-Karmelitani f’Bunia, huma waqqfu djar ġodda f’Butembo, f’Nioka, fil-kapitali Kinshasa, u f’Kisangani. Illum, il-Karmelitani tal-Kongo jiffurmaw Kummissarjat Provinċjali bi ħdax-il dar u b’madwar 74 reliġjuż, li wħud minnhom jinsabu fil-komunitajiet tal-Italja bħala missjunarji fl-Ewropa jew biex jispeċjalizzaw fl-istudji tagħhom.

Ta’ minn jgħid li l-preżenza u l-ħidma tal-Karmelitani f’din l-art Afrikana mhux dejjem kienet faċli. L-istorja ta’ dawn l-aħħar tletin sena tal-Kongo, immarkata bi gwerer, massakri, korruzzjoni, konflitti u eżodu ta’ refuġjati mill-pajjiż, qiegħdu lir-reliġjużi Karmelitani f’kuntatt dirett mat-traġedji li dan il-poplu Afrikan jinsab għaddej minnhom. Imma minkejja dan kollu, il-Knisja tal-Kongo, biż-żgħażagħ tagħha u bl-isfidi li għandha ma’ wiċċha, għarfet li l-Karmelu, bil-kariżma tiegħu ta’ ħajja evanġelika, bix-xhieda tal-fraternità, tat-talb u tas-servizz umli u diżinteressat, huma tweġiba valida u adatta għall-ambjent li qed jgħixu fih.

Bħala parti mill-ftuħ taċ-ċelebrazzjonijiet f’għeluq il-50 anniversarju mill-wasla tal-Karmelitani fil-Kongo, kienu ordnati żewġ saċerdoti ġodda membri tal-Kummissarjat: P. Philémon Kambale Sivasi, O.Carm., u P. Emery Losinu Ngadjole, O.Carm., li kienu ordnati presbiteri mill-Isqof tad-djoċesi ta’ Bunia Mons. Dieudonne Uringi.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *