Titu Brandsma waqt il-Kungress Dinji tal-Esperanto

Bejn id-29 ta’ Lulju u l-5 ta’ Awwissu 2023, ′il fuq minn 1,300 Esperantist minn 69 nazzjon iltaqgħu f’Torin, l-Italja, għall-108 Kungress Dinji tal-Esperanto. Matul is-sebat ijiem, studjużi u dilettanti ffukaw id-diskussjonijiet tagħhom fuq it-tema “L-Immigrazzjoni u l-Laqgħa tal-Valuri Umani, l-Esperjenza Inklużiva ta’ Torin”.

Waqt il-konferenza kienu offruti żewġ kotba lill-parteċipanti: “Jiena Hu, la tibżgħux” tal-Papa Franġisku, u t-tieni ktieb: “Il-Verità fl-Imħabba: Il-Ħajja ta’ San Titu Brandsma, Karmelitan” ta’ P. Fernando Millán, O.Carm. P. Fernando, li kien Pirjol Ġenerali tal-Ordni Karmelitan mill-2007-2019, huwa meqjus bħala wieħed mill-aqwa esperti fuq il-ħajja ta’ San Titu. Il-qaddis Olandiż, li kien promotur ħabrieki tal-lingwa Esperanto, issa huwa meqjus bħala l-Qaddis Patrun tal-Esperantisti Kattoliċi. Huwa ħa sehem f’diversi kungressi internazzjonali u kien membru tal-Kummissjoni għad-Dizzjunarju Ekkleżjastiku tal-Esperanto. Il-lingwa tal-Esperanto kienet tiffaċilita x-xewqa kbira li kellu Brandsma fil-bini ta’ komunità waħda fost popli ta’ nazzjonalitajiet differenti. Ta’ min jgħid li fl-1966 il-Papa Pawlu VI kien għaraf pubblikament l-importanza tal-moviment Kattoliku tal-Esperanto u l-utilità tal-lingwa. L-Esperanto huwa wkoll rikonoxxut uffiċjalment mill-Knisja Kattolika bħala lingwa li biha tista’ tkun iċċelebrata l-Quddiesa u talb ieħor.

Huwa stmat li din il-lingwa, li kienet żviluppata mill-Pollakk Ludwik Lejzer Zamenhof fit-tieni nofs tas-seklu 19, għandha segwaċi minn madwar id-dinja kollha, f’mhux inqas minn 120 pajjiż. Hija meqjusa bħala l-lingwa tal-paċi minħabba li tenfasizza l-ugwaljanza u l-komunjoni fost il-popli miġbura flimkien b’ilsien wieħed. Infatti, l-Esperanto nħoloq sabiex jgħin ikun hemm djalogu bejn popolazzjonijiet ta’ kulturi differenti u jegħleb il-konflitti li jistgħu jinqalgħu bejniethom. Zamenhof ħass li ħafna drabi n-nuqqas ta’ ftehim fid-dinja kien ġej minħabba diffikultajiet lingwistiċi. Għalhekk, xtaq isolvi din il-problema billi joħloq idjoma universali li tappartjeni lill-umanità kollha u mhux lil poplu wieħed.

Il-bandiera tal-Esperanto tiġbor fiha l-filosofija tal-Esperanto. Hija ffurmata minn sfond aħdar b’kaxxa bajda fir-rokna ta’ fuq tax-xellug bi stilla ħadra b’5 ponot iċċentrata, li tirrappreżenta l-ħames kontinenti abitati. Il-kulur aħdar jindika t-tama għal futur aħjar, filwaqt li l-abjad jirrappreżenta n-newtralità u l-paċi.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *