L-eqdem monasteru tas-sorijiet Karmelitani

Din is-sena jaħbat il-555 anniversarju tal-eqdem monasteru tas-sorijiet Karmelitan tal-klawsura. Il-Karmelu tal-Madonna tal-Konsolazzjoni f’Vilvoorde fil-Belġju kien imwaqqaf kanonikament fil-11 ta’ Frar 1469 mill-Pirjol Ġenerali ta’ dak iż-żmien, il-Beatu John Soreth. L-ewwel komunità kienet iffurmata minn dawk is-sorijiet li ħarbu mill-monasteru ta’ Liège matul l-“Assedju ta’ Liège” fl-1468.

Skont l-istoriku Karmelitan P. Joachim Smet, waqt il-gwerer bejn l-Olanda Spanjola, l-Olanda u Franza, il-belt ta’ Vilvoorde spiss sabet ruħha fit-triq tal-armati. Infatti, is-sorijiet Karmelitani kellhom jaħarbu fl-1621, l-1635, l-1667, l-1695 u l-1702. Minkejja dawn id-diffikultajiet kollha, fl-1671 irnexxielhom jibnu knisja ġdida. Matul is-seklu 18, is-sorijiet għaddew minn perjodu twil ta’ paċi.

Żewġ sorijiet minn dan il-monasteru baqgħu magħrufa għall-qdusija tagħhom: Sor Maria ta’ San Ġużepp (†1660) u Sor Petronella van der Elst (†1674). Fl-1672 erba’ sorijiet Karmelitani ta’ Vilvoorde waqqfu l-monasteru ta’ Elzendaal fil-belt ta’ Boxmeer l-Olanda.

F’Marzu tal-1966, is-sorijiet ta’ Vilvoorde ngħataw il-libertà li jagħżlu jekk ridux jibqgħu jagħmlu parti minn dan il-monasteru u jgħaddu taħt il-ġurisdizzjoni tal-Karmelitani Skalzi jew inkella jingħaqdu ma’ komunità oħra ta’ sorijiet Karmelitana fl-Olanda.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *